Qasam soċjali
Il-ħaddiema fid-Djar tal-Anzjani se jitħarrġu biex jitkellmu mal-anzjani bil-Malti jew bl-Ingliż

L-Awtorità ta’ Standards għall-Ħarsien Soċjali niedet linji gwida ġodda li jridu jinżammu mill-operaturi tad-djar residenzjali biex il-ħajja tal-anzjani tkun waħda ta’ livell għoli.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-avviż legali li se jkun ippubblikat dalwaqt se jagħti s-snien lill-Awtorità biex tieħu l-passi kontra l-operaturi li ma jimxux ma’ dawn l-istandards.

Il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani li jgħixu fi djar residenzjali se tkompli tingħata spinta ‘l quddiem permezz ta’ 7 prinċipji li l-Awtorità tal-Istandards għall-Ħarsien Soċjali nediet wara kważi sena konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti fis-settur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Dr Angele Ellul Fenech qalet li l-linji gwida l-ġodda se jagħtu spinta lill-kwalità tal-ħajja tal-anzjani għax mhux biss jindirizzaw diffikultajiet jew nuqqasijiet iżda jagħtu dinjità akbar lil kull anzjan u anzjana.

“Kellna bżonn nagħmlu dawn l-istandards biex bażikament ikun hemm żewġ affarijiet, il-konsistenza biex kull dar ta’ residenza tkun tista’ tikkonforma mal-istess tipi ta’ standards u d-dinjità biex nagħtu kemm jista’ jkun rispett lill-anzjani tagħna”.

L-istandards jagħtu sensiela ta’ drittijiet lill-anzjani fosthom li jieħdu d-deċiżjonijiet huma u li jkun assigurat li jkunu trattati b’dinjità u rispett.

Kull dar tal-anzjani jeħtieġ li jkollha tabib li jfassal pjan ta’ kura personali għall-anzjani li jkun rivedut kull sitt xhur.

Se jkun assigurat li r-residenza tkun mgħammra b’dak kollu meħtieg biex tagħti protezzjoni xierqa u sigura lill-anzjani u anke li tipprovdi s-servizzi meħtiega.

L-istandards jelenkaw anke l-ħtieġa ta’ taħriġ li għandhom jingħataw il-ħaddiema u anke l-fatt li dawn ikunu kapaċi jikkomunikaw mal-anzjani bil-lingwa Maltija jew Ingliża.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li dalwaqt ikun ippubblikat l-avviż legali li se jagħti lill-Awtorità l-poter li tieħu l-passi meħtiega jekk l-linji gwida l-ġodda għad-djar residenzjali ma jkunx implimentati.

Huwa qal li l-Gvern jippreferi li jkun hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-operaturi tad-djar tal-anzjani biex il-kwalità tal-ħajja tkun waħda li tixraq lil dawn il-persuni li taw kontribut kbir lill-pajjiż.

“Bħala Gvern u bħala Awtorità tal-Istandards li jinteressana hu li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. L-Awtorità tal-Istandards qiegħda hemmhekk biex tikkopera mal-operaturi kif jistgħu jtejbu s-servizzi. Ovvjament wieħed isib minn iwebbes rasu allura l-avviż legali se jkun qed jagħti l-għodda, se jkun qed jagħti s-snien lill-Awtorità biex fil-każ li jkun hemm bżonn tkun tista’ wkoll tigdem”.

L-istandards il-ġodda se jipproteġu wkoll lill-anzjani minn kull forma ta’ abbuż u anke qed jagħtu wkoll id-dritt lill-anzjani li jagħmlu l-għażliet li jixtiequ fosthom jieħdu magħhom l-affarijiet personali tagħhom u anke jieħdu sehem f’attivitajiet soċjali u rikreattivi.