Barranin
Il-ħaddiema kollha fl-Italja jrid ikollhom Green Pass biex imorru għax-xogħol

Bil-għan li tnaqqas il-firxa tal-imxija tal-coronavirus, l-Italja għamlitha obbligatorja li kull ħaddiem jippreżenta dak li jissejjaħ il-Green Pass tal-Covid, b’multi li jlaħħqu €1,500 għal min jinqabad jikser il-liġi.

Il-Green Pass jingħata biss lil dawk li jkunu mlaqqma kontra l-Covid-19, u jekk persuna mhuwiex imlaqqam irid juri test negattiv għall-Covid li jkun ittieħed sa 48 jew 72 siegħa qabel, skont it-tip ta’ test. Dawk li jkunu mardu bil-Covid ukoll iridu jippreżentaw prova li huma negattivi għall-virus.

Jekk ħaddiem ma jagħmilx dak mitlub minnu jiġi sospiż mix-xogħol, u wara ħamest ijiem min iħaddem għandu dritt li jwaqqaflu l-paga. Il-miżura tapplika wkoll għal dawk li jaħdmu għal rashom, fejn dawn ma jistgħux joffru servizz mingħajr ma jkollhom il-Green Pass.

Il-Green Pass ser jibqa’ meħtieġ ukoll biex wieħed juża l-ferrovija, imur iċ-ċinema u fl-istabbiliment tal-ikel, fil-gyms u anke fil-pixxini.

Din il-miżura, li hija fost l-iktar waħda stretta fid-dinja s’issa, ser tidħol fis-seħħ fil-15 t’ Ottubru, biex il-ħaddiema li għadhom ma tlaqqmux jilħqu jieħdu t-tilqima.

Il-Gvern Taljan qed jittama li b’din il-miżura, sa nofs Ottubru jkollu 80% tal-popolazzjoni mlaqqma għall-Covid, fl-isfond li l-pajjiż irreġistra mal-4.6 miljun każ ta’ Covid-19 u kellu ‘l fuq minn 130,000 imwiet.