Lokali
Il-ħajja fis-swieq fil-beraħ bil-mod il-mod tidher li tinsab riesqa lejn in-normalità

Bdiet tirranka bil-mod l-attività fis-swieq fil-beraħ għalkemm jidher li l-konsumaturi qed ikunu kawti sakemm jiksbu l-fiduċja li jistgħu jiffrekwentaw dawn is-swieq għax-xirjiet tagħhom. Jidher li anke xi kunsilli huma ħosbiena li l-monti fil-qalba tal-lokalitajiet tagħhom jistgħu jkunu problematiċi. Il-bejjiegħa mill-banda l-oħra ħadu nifs wara aktar minn xahrejn li fihom ma setgħux jarmaw.

Il-ħajja fis-swieq fil-beraħ bil-mod il-mod tidher li tinsab riesqa lejn in-normalità ġdida wara li l-bejjiegħa reġgħu ngħataw il-permess jarmaw bi protokolli fosthom biex tinżamm id-distanza soċjali anke f’dawn il-postijiet.

Is-Sibt filgħodu morna fil-monti ta’ Raħal Ġdid. Jidher li mhux il-bejjiegħa kollha rawmaw il-bankarelli tagħhom u x-xerrejja kienu ferm inqas numerużi mis-soltu. Dan ikkonfermaw uħud mill-bejjiegħa fosthom Joyce Sciberras li ilha tarma fuq il-monti bil-ħut għal 50 sena u Anthony Gatt li ilu jarma 40 sena li stqarrew li l-aħħar xahrejn u nofs kienu iebsin ħafna għalihom.

”Tlifna l-bejgħ tal-ħut, ma morniex għax-xogħol. Bdejna lbieraħ. Issa niżżu ħajr l-Alla naħseb nerġgħu mmorru għan-normal hux. Għall-bidu ftit iebsa, in-nies ma tafx li qegħdin hawn u llum aħjar mill-ilbieraħ. L-aqwa li ma mradniex dik l-aqwa… Ċempilt lill-għaqda tal-monti qalilna s-suq miftuħ, tistgħu tibdew tbiegħu. Però tawna ċertu miżuri x’għandna nagħmlu u ma nagħmlux.”

”Indannazzjoni. Li ma tkomplix man-nies, toqgħod id-dar, erħilha li tgawdi l-familja fl-istess ħin. Imma ma tarmax u hekk qisek ma tkunx taf fejn qiegħed u m’intix…Jirranka bil-mod qiegħed ta’. Kellna naqra għajnuna min-naħa tal-Gvern.”

Mil-banda l-oħra xi kunsilli jidhru ħosbiena bil-preżenza tal-monti fil-lokalità tagħhom. Il-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid fi stqarrija qal li l-ispazju fis-suq f’Raħal Ġdid jagħmilha diffiċli biex in-nies iżżomm id-distanza mitluba mill-protokoll ippubblikat. Qal li jinsab inkwetat għas-saħħa tar-residenti li jgħixu mal-ispazju ddedikat għas-suq minħabba li qal li dan is-suq jiġbed lejh folol li diffiċli li jkunu ikkontrollati.

Anke l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qal li għalkemm jifhem li l-ftuħ tal-monti hu meħtieġ għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija, is-saħħa tar-residenti hi ta’ prijorità. Il-Kunsill qal li jistenna li kull tip ta’ miżura mitluba mill-Gvern u mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għall-prevenzjoni tal-imxija għandha tkun osservata mill-bejjiegħa u mix-xerrejja fil-monti tal-lokal.

Il-Kunsill żied jgħid li jirriżerva d-dritt li jekk il-linji ta’ direzzjoni, fosthom l-ispazju mitlub bejn il-bankarelli, ma jitħarsux, il-kunsill ma jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li jirrikorri għal miżuri u deċiżjonijiet ulterjuri dwar is-suq ta’ Marsaxlokk.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Malta Police Association qalet li l-amnestija għall-multi li weħlu ċertu individwi, minħabba l-miżuri li daħlu fis-seħħ minħabba Covid 19 meta nġemgħu fi gruppi kontra l-avviżi legali, hija insult kbir għall-ħidma…

COVID-19

Il-Pulizija se takkuża żewġ persuni – wieħed b’theddid fuq uffiċjal pubbliku u li ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u ieħor li ostakola t-triq b’vettura waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji meta nhar it-Tnejn filgħaxija…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hemm ħafna nies li qed ibatu u negozji li jeħtieġu l-għajnuna. Qal li l-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jaħdem biex il-pajjiż ikollu…

Aktar