Kultura
Il-Ħajt tal-Matla fl-Imqabba jitlesta mir-restawr

Il-Kunsill lokali tal-Imqabba bbenefika minn fondi tal-Gvern fl-iskema ta’ restawr biex irrestawra dak li hu magħruf bħala l-Ħajt ta’ Matla. Kif spjega l-Perit Stephen Pulis, dal-ħajt huwa medjevali u għandu iżjed minn 600 sena. Qal li dak iż-żmien kien hemm passaġġ li kien jgħaqqad il-parroċċa l-antika ta’ San Bażilju fl-Imqabba mal-villaġġ ta’ Ħal Millieri.

Is-Sindku tal-Imqabba, Dr Charlene Zammit, qalet li għal ħafna snin dan il-ħajt kien midfun u sostniet li r-restawr tiegħu ma kienx ikun possibbli mingħajr il-fondi tal-Gvern.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Julia Farrugia Portelli, qalet li l-investiment li qed isir fl-irħula Maltin huwa legat li se jitħalla lill-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li l-Gvern kien stieden lill-kunsilli jgħidu fejn jixtiequ li jiġi restawrat. Dr Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru li qed jaħdmu fuq dawn il-proġetti ta’ restawr.