“Imbeżżgħin bil-barranin fil-btieħi” – residenti Ħamruniżi

“Il-bieb tal-bitħa ma tistax tħallih miftuħ għax tibża’ li jidħlulek ġewwa” hekk sostna resident mill-Ħamrun f’intervisti li saru l-bieraħ waqt il-programm Popolin.

‘Popolin’ tkellem ma’ diversi persuni li joqgħodu il-Ħamrun. Il-biża kienet waħda mill-fatturi ewlenin li ġew espressi miċ-ċittadini “Tibża’ toħroġ hawn barra”, “Waqt li kont ix-xogħol il-bieraħ, kont imwerwer li se jiġrilhom xi ħaġa l-mara u t-tfal” “Fit-tlieta ta’ filgħodu ġew il-pulizija, lanqas hemm kliem biex nirringrazzjahom”. Fl-aħħar ġranet ġew arrestati numru ta’ immigranti li allegatament daħlu jistaħbew fi proprjetajiet privati fil-Ħamrun. Residenti tal-lokal spjegaw li jħossuhom imbeżża’ ġo darhom stess. “Il-bieb tal-bitħa ma tistax tħallih miftuħ għax tibża’ li jidħlulek ġewwa” tenna Ħamruniż. Is-Sindku tal-Ħamrun spjega li f’ċertu toroq tal-Ħamrun bdew jinfetħu ħwienet bla permess li ma kellhom l-ebda kontroll fuq x’ħin jiftħu u jagħlqu.

Din is-sitwazzjoni tinħass mhux biss fil-Ħamrun, iżda wkoll fil-lokalitajiet tal-madwar, fosthom il-lokalità tal-Marsa. Ħafna minn dawn li tkellimna magħhom faħħru l-ħidma tal-Pulizija li qegħda issir kemm f’rondi skedati kif ukoll l-għajnuna immedjata li qegħda tingħata kull darba li l-Pulizija jissejħu fuq il-post.