Kronaka
Il-ħati li qatel gwardjana lokali f’Għawdex miet b’mard tal-qalb fiċ-ċella tiegħu

Priġunier anzjan li kien instab ħati mill-Qorti li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ gwardjana lokali f’Għawdex – delitt li twettaq ‘il fuq minn tmintax-il sena ilu – instab mejjet fiċ-ċella tiegħu, fil-ħabs. Il-priġunier hu Ġanni Attard li kellu 72 sena u kien qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs. Sorsi qrib l-awtopsja qalu li Attard miet minħabba mard tal-qalb.

Raġel li kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs sal-mewt, instab mejjet fiċ-ċella tiegħu għall-ħabta tas-sitta u nofs tat-Tnejn filgħodu. Hu ma rrispondiex lill-gwardjani waqt ir-ronda ta’ filgħodu u mill-ewwel issuspettaw ħażin. Tabib iċċertifikah mejjet.

Il-priġunier hu Ġanni Attard mix-Xagħra. Għaxar snin ilu għadda ġuri li fih instab ħati ta’ kompliċità fil-qtil tal-gwardjana lokali Fortunata Spiteri, fl-10 ta’ Awwissu 2001. Attard kien xufier ta’ karozza tal-linja. Mill-qorti ħareġ li l-gwardjana nqatlet b’ħames daqqiet ta’ sikkina fit-triq li mir-Rabat tagħti għall-Għarb fejn kienet xogħol minħabba l-festa tal-lokalità ta’ San Lawrenz.

Ġanni Attard kien it-tieni persuna li nstab ħati ta’ kompliċità fl-ewwel qtil ta’ gwardjan lokali waqt il-qadi ta’ dmirjietu. Dwar l-istess każ, kien hemm il-ħabs ukoll Benny Attard li kien ikkundannat 30 sena priġunerija wara li ammetta minflok għadda ġuri s-sehem tiegħu fir-reat. Hu kien miet ukoll waqt li kien qed jiskonta s-sentenza. Raġel ieħor li kien suspettat miet qabel ma ntemmu l-proċeduri kontrih.

Għalkemm fix-xhieda ta’ Benny Attard, Ġanni kien indikat bħala l-moħħ wara l-qtil għax kien allega li l-gwardjana qabdet miegħu u kienet tagħtih ħafna ċitazzjonijiet, hu ma kienx instab ħati ta’ din l-akkuża iżda ta’ kompliċità. L-Imħallef li sema’ l-ġuri, Michael Mallia, kien tah l-ogħla piena ta’ għomor ħabs. Fis-sentenza qal li Ġanni Attard qatta’ ħajtu jisfida lill-awtoritajiet u ma kien tgħallem qatt mill-iżbalji tiegħu. F’żgħożitu, Attard kien diġà għamel erba’ snin ħabs wara li kien instab ħati li darab gravi lil missieru b’tir ta’ senter f’tilwima li kellu ma’ ħuh, bil-ferita kienet wasslet għall-mewt ta’ missieru.

L-awtoritajiet tal-ħabs infurmaw minnufih lill-Pulizija bil-mewt ta’ Ġanni Attard li bdew bl-istħarriġ. Il-mewt tal-priġunier qed tkun investigata wkoll b’inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud u b’inkjesta oħra interna. Sorsi qalu li ma kien hemm xejn x’juri li l-mewt ta’ Ġanni Attard hi suspettuża, bl-awtopsja kkonfermat li miet minħabba mard tal-qalb.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-ħabs m’għandux ikun post fejn imutu l-priġunieri imma post fejn verament issir riforma.

Fi stqarrija, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali, Beppe Fenech Adami, qal li din hi t-tmien mewta ta’ priġunier fil-ħabs f’anqas minn sentejn u nsista li toħroġ il-verità kollha. Talab li jingħata rendikont ta’ kif u għaliex seħħet kull mewta u jekk dawn l-imwiet setgħux ġew evitati.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Koppja Maltija li tinsab abbord cruise fil-Mediterran għamlet appell imqanqal lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li ma titħalliex tinżel Malta. Marthese Bonello u Joseph Mercieca kitbu ittra pubblika…

Qorti

Tneħħew l-ispejjeż tal-qorti għal persuni li fil-ġranet u fil-ħinijiet normali tax-xogħol jitolbu li jinfetaħ ir-reġistru tal-qorti biex jippreżentaw rikorsi urġenti fir-reġistru tal-Qorti. Dan sar b’avviż legali minħabba li r-reġistru tal-qorti…

COVID-19

Ma nstab ħadd jikser il-kwarantina obbligatorja waqt l-425 spezzjoni li saru fl-aħħar sigħat madwar Malta u Għawdex, bl-appell jittenna biex kulħadd jibqa’ responsabbli u jikkopera mad-direttivi li jingħataw mill-awtoritajiet. Madanakollu 4…

Lokali

Wara riformi li saru inkluż tisħiħ tar-riżorsi umani fil-FIAU skont ir-rakkomandazzjonijiet, tal-Money u tal-Awtorità Bankarja Ewropea l-Aġenzija li tgħasses fuq il-ħasil tal-flus, kellha żieda qawwija f’rapporti dwar transazzjonijiet finanzjarji suspettużi….

Aktar