Knisja Maltija
Il-ħatra ta’ Isqof ġdid għal Għawdex: In-Nunzju jrid jirrakkomanda 3 saċerdoti lill-Vatikan

In-Nunzju Appostoliku, li hu r-rappreżentant tal-Papa f’Malta, għandu rwol prinċipali fil-proċess għall-ħatra ta’ Isqof ġdid għal Għawdex. In-Nunzju, l-Arċisqof Alessandro d’Errico, irid jibgħat lill-Vatikan l-ismijiet ta’ tliet saċerdoti biex minnhom jintgħażel dak li se jmexxi l-knisja f’Għawdex. Iżda n-Nunzju kif jagħżel dawn l-ismijiet? U l-knisja għandha rekwiżiti biex isem saċerdot ikun kunsidrat għal Isqof?

Fis-servizz li jmiss, TVM jistaqsi lill-Vigarju Gudizzjali fit-Tribunal tal-Knisja, Dun Brendan Gatt.

Bdew l-ispekulazzjonijiet dwar min ser ikun l-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex, anke jekk hemm proċess sħiħ li jrid jiġi segwit.

F’ħajja normali ta’ djoċesi, meta ma jkun hemm lanqas xamma ta’ ħtieġa li jinħatar Isqof ġdid, il-liġi tal-Knisja tispeċifika li l-Isqfijiet tal-pajjiż għandhom mill-anqas kull 3 snin jibgħatu lill-Vatikan lista b’ismijiet ta’ saċerdoti, kemm djoċesani kif ukoll reliġjużi, li jħossu huma ideali għall-kariga ta’ Isqof.

Il-Vigarju Ġudizzjali fit-Tribunal Ekkleżjastiku, Dun Brendan Mark Gatt qal “trid issir regolari biex is-Santa Sede tkun taf b’saċerdoti li jkunu jistgħu jokkupaw dak l-irwol u jkunu ta’ ġid għal dik is-soċjetà.”

Meta bħalma ġara fl-aħħar jiem f’Għawdex tinqala’ ħtieġa li jinħatar Isqof ġdid, jiskatta proċess stabbilit fil-liġi tal-Knisja. In-Nunzju, bħala r-rappreżentant tal-Papa fil-pajjiż, irid jibgħat lill-Vatikan lista – magħrufa bħala ternus – bi 3 ismijiet ta’ saċerdoti biex imbagħad il-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet tagħti l-parir tagħha lill-Papa li jkollu l-aħħar kelma. In-Nunzju jipproponi 3 ismijiet wara konsultazzjoni mal-Isqfijiet; ma’ saċerdoti ta’ ċerta esperjenza u jista’ jfittex parir ukoll ta’ saċerdoti individwali jew lajċi.

”Dan kollu jsir taħt sigriet. Jiġifieri biex tissalvagwardja l-proċess, biex ma jkunx hemm lobbying għat-tali jew għall-ieħor għax verament il-Knisja hi istituzzjoni divina imma magħmula mill-bnedmin u allura kemm jista’ jkun jassiguraw li l-għażla tkun waħda ħielsa u tajba għad-djoċesi f’dak iż-żmien partikulari.”

Il-liġi tal-knisja telenka l-kwalitajiet li saċerdot irid ikollu biex jiġi kunsidrat għall-kariga. Bħala rekwiżiti bażiċi, irid ikollu mill-anqas 35 sena u jkun ilu saċerdot mill-anqas 5 snin; eżemplari fejn tidħol fidi, morali u ħajja pubblika; stmat min-nies; u bħala kwalifiki akkademiċi jrid ikollu dottorat jew tal-anqas liċenzjat f’suġġett bħall-morali, id-dritt kanoniku jew id-duttrina tal-knisja jew ikollu għarfien tajjeb ħafna f’dawn l-oqsma.

“Semmejna ħafna affarijiet prattiċi imma forsi l-aspett spiritwali; kemm l-Ispirtu s-Santu jurina li dan il-bniedem hu ideali llum għal din iċ-ċirkustanza partikulari.”

L-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex ser ikun id-disa’ wieħed fl-istorja ta’ din id-djoċesi. Sakemm jinħatar Isqof ġdid, Monsinjur Mario Grech ser ikun Amministratur Appostoliku ta’ Għawdex.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Din is-sena tfakkar il-mitt sena mit-twelid ta’ wieħed mill-ikbar artisti tas-seklu għoxrin – Esprit Barthet. L-espressjoni tal-arti tiegħu hija l-legat li ħalla warajh dan l-artist, li quddiemu poġġew mexxejja prominenti…

Kultura

Din is-sena tfakkar il-mitt sena mit-twelid ta’ wieħed mill-ikbar artisti tas-seklu għoxrin – Esprit Barthet. L-espressjoni tal-arti tiegħu hija l-legat li ħalla warajh dan l-artist li quddiemu poġġew mexxejja prominenti…

Sport

Il-Fondazzjoni Kottonera u l-Bicycle Advocacy Group ingħaqdu flimkien biex  jagħtu opportunità lid-delettanti tar-rota jipprattikaw id-delizzju tagħhom filwaqt li japprezzaw il-patrimonju kulturali li hija mogħnija bih il-Kottonera. L-attività sabet ukoll l-appoġġ…

Kronaka

Raġel ġarrab xi ġrieħi wara li llejla ttajar fil-Marsa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.30pm fi Triq Aldo Moro. Il-persuna ttajret fil-karreġġjata lejn il-Belt, viċin il-pont pedonali, minn karozza misjuqa minn raġel…

Aktar