Ambjent
Il-ħela jew l-enerġija żejda li naħlu fost l-ikbar sfidi li qed tiffaċċja Malta dwar it-tibdil fil-klima

It-tibdil fil-klima hija problema li minkejja li mhux kulħadd jirrikonoxxiha, jew jaħseb li mhix il-problema tiegħu, tista’ tiġi solvuta biss jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

Qalet dan ma’ Television Malta l-Ambaxxatur għal Azzjoni Favur it-Tibdil fil-Klima, il-Professur Simone Borg, li spjegat kif Malta għandha l-mira li tnaqqas 19% tal-emissjonijiet tagħha.

Hija qalet li jeżistu għadd ta’ sfidi sabiex isir dan fosthom l-infrastruttura u anke ċ-ċokon ta’ pajjiżna.

Waqt li kien qed jindirizza l-EU MED Summit f’Ateni, il-Prim Ministru Robert Abela poġġa fuq nett tal-aġenda tiegħu u tal-mexxeja Ewropej il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima – li fi kliemu, il-Mediterran huwa affettwat ferm minnha.

Dwar x’inhuma l-ikbar sfidi li qed jaffaċċja pajjiżna fejn tidħol it-tibdil fil-klima, l-Ambaxxatur għal Azzjoni Favur it-Tibdil fil-Klima, il-Professur Simone Borg qalet li dawn huma ċ-ċokon ta’ s-suq ta’ pajjiżna, l-infrastruttura, u l-mentalità tal-konsumatur.

“Naħseb hemm challenges oħra pereżempju fl-infrastruttura fejn irridu naqilbu għall-eletrifikazzjoni tal-vetturi … irridu naraw anke fejn se nagħmlu charging points … irridu li tkun bidla wkoll fil-mentalità tagħna bħala konsumaturi biex innaqqsu l-enerġija żejda li naħlu.”

Dwar kemm hu preparat u infurmat il-poplu Malti, il-Professur Borg qalet li waqt li informazzjoni teżisti, għad hemm min ma jirrikonoxxix din il-problema. Qalet li l-ġenerazzjonijiet iżgħar huma iktar infurmati, u qed jaħdmu ħafna f’dan ir-rigward.

Hija spjegat kif Malta tagħmel parti mill-pjan tal-Unjoni Ewropea li fiż-żmien li ġej tnaqqas l-emissjonijiet tagħha u għalhekk Malta għandha l-mira biex tnaqqas 19 fil-mija tal-emissjonijiet.

Il-Professur Borg żiedet li biex nagħmlu dan irid isir ħafna xogħol f’għadd ta’ setturi differenti.

Hija semmiet fost oħrajn is-setturi tat-trasport u l-bini li qalet minħabba l-materjali użati iniġġżu ħafna.

Il-Professur Borg spjegat li minkejja 19% jaf jinstema numru żgħir għal pajjiżna xorta waħda huwa sfida u li kien għalhekk li l-Unjoni Ewropea imponiet din il-mira fuq pajjiżna, li fi kliemha hija ġusta.

“Intqal ukoll li m’huwiex ambizzjuż biżżejed forsi li nnaqqsu 19% … mentri rridu nifhmu li l-pajjiż tagħna għandu ċertu restrizzjonijiet … l-ewwelnett irid jimporta t-teknoloġija, allura niddependu minn pajjiżi oħra, u rridu nistennew x’se jagħmlu huma, pero wkoll għandna infiq kbir, iktar minn pajjiżi oħra”.

Hija qalet iżda li Malta xorta waħda tista’ tkun ambizzjuża u taħdem għal miri ogħla u saħqet li dawn huma realistiċi biżżejjed għal pajjiż tad-daqs tagħna.

Il-Professur Simone Borg temmet b’appell għall-poplu Malti, sabiex flimkien u bl-għajnuna ta’ kulħadd din l-isfida tiġi megħluba.

“Ħafna nies jafu bil-problema, jibżgħu minnha, imma jaħsbu li hija problema tal-gvernijiet biss … jiġifieri mhux xi ħaġa li huma jistgħu jikkontribwixxu biex neħilsu minnha … mentri fil-fatt, kull azzjoni, żgħira kemm hi żgħira li nieħdu, anke fuq livell x’nagħmlu d-dar, x’nagħmlu bħala kumpanija, x’nagħmlu fuq il-post tax-xogħol, jista’ jagħmel differenza kbira”.