Lokali
Il-ħidma li saret mill-UE ma wasslitx għall-irkupru sostanzjali tal-ibħra – il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Skont rapport speċjali ġdid li ġie ppubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), l-azzjoni li ttieħdet mill-UE ma wasslitx għall-irkupru ta’ ammont sinifikanti ta’ ekosistemi u ħabitats tal-baħar.

Qalet li l-qafas tagħha għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar mhuwiex approfondit biżżejjed biex l-ibħra jiġu restawrati għal kundizzjoni ambjentali tajba, filwaqt li l-fondi tal-UE rarament jappoġġaw il-konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats tal-baħar. L-awdituri sabu li ż-żoni tal-baħar protetti (MPAs) jipprovdu protezzjoni reali limitata, filwaqt li għadu jsir sajd eċċessiv, b’mod partikolari fil-Mediterran.

“Minħabba l-importanza ekonomika, soċjali u ambjentali tagħhom, l-ibħra huma tassew teżor. Madankollu, l-azzjoni li ttieħdet mill-UE sa issa ma ppermettietx li l-ibħra Ewropej jiġu restawrati għal status ambjentali tajjeb, u lanqas li s-sajd imur lura għal livelli sostenibbli”, qal João Figueiredo, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għar-rapport. ”L-awditu li wettaqna jissenjala b’mod ċar sitwazzjoni allarmanti f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-baħar tal-UE.”

Fil-prattika, il-protezzjoni li l-qafas tal-UE jipprovdi fir-rigward tal-bijodiversità tal-baħar hija biss limitata bil-protezzjoni mhijiex approfondita biżżejjed. Dan ir-rapport, qalu l-awdituri huwa konformi ma’ valutazzjoni reċenti mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA). Qalet li jeħtieġ li jiġu koperti b’mod suffiċjenti l-ispeċijiet tal-baħar tal-UE li huma l-aktar vulnerabbli u l-ħabitats tagħhom, jinkludu restrizzjonijiet tas-sajd fejn meħtieġ, u jiġu mmaniġġjati tajjeb. Saħqet li dan kollu huwa ’l bogħod mir-realtà.

Fir-rapport issemma li filwaqt li l-politiki tal-UE jiddikjaraw li l-finanzjament mill-UE huwa mistenni li jappoġġa l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, sehem żgħir biss jintuża għal dan l-iskop. Għall-perjodu 2014-2020, madwar EUR 6 biljun ġew allokati għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Madankollu, l-awdituri qed jistmaw li l-erba’ Stati Membri li żaru (Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall), kienu użaw biss 6 % għal miżuri li kienu direttament relatati ma’ miżuri ta’ konservazzjoni u 8 % oħra għal miżuri b’impatt inqas dirett fuq il-konservazzjoni.

Minn dan, il-qorti sabet li kienu użaw inqas minn EUR 2 miljun (0.2 %) biex jillimitaw l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar. Ikkummentat li l-finanzjament mill-UE jista’ jagħmel differenza, kif jidher f’eżempji tajba ta’ proġetti ffinanzjati permezz tal-programmi LIFE u Interreg tal-UE.