Lokali
Il-ħidma tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku fiċ-Ċivil

Il-missjoni tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, bħala organu mwaqqaf mill-Kostituzzjoni, hi li tassigura li l-ingaġġ ta’ ħaddiema maċ-ċivil ikun effiċjenti u bbażat fuq il-mertu. Il-Kummissjoni tieħu ħsieb ukoll il-proċeduri dixxiplinarji fil-konfront tal-ħaddiema tal-Gvern.

Milll-aħħar rapport annwali joħroġ li fl-2018 il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Prim Ministru biex jinbdew proċeduri kriminali kontra 58 impjegat fis-servizz pubbliku. Il-Kummissjoni rrakkomandat fost oħrajn li 2 impjegati tal-Gvern jitkeċċew mill-impjieg u 20 impjegat ieħor ikunu sospiżi.

Mir-rapport jirriżulta li fl-2018 kien hemm 1,224 sejħa għall-ingaġġ għal karigi differenti fosthom managers fid-dipartimenti tal-Gvern, għalliema f’diversi suġġetti u professjonisti mediċi.

B’kollox, kien hemm 2,347 persuna li applikaw għal dawn is-sejħiet u ġew intervistati. Minn dawn, kien hemm iktar 162 li appellaw mid-deċiżjoni mal-Kummissjoni. Minnhom, il-Kummissjoni ddeċidiet favur 32 każ u kontra 126 każ ieħor. 4 każi kienu baqgħu pendenti.

Fl-2018, il-Kummissjoni waqqfet 6 proċessi tal-għażla filwaqt li rrakkomandat li jiġu revokati 11-il ħatra u li jkunu skwalifikati 10 applikanti.

Il-bord tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku huwa magħmul minn 5 membri. Iċ-Chairman tal-Kummissjoni huwa Louis P. Naudi. Hu ilu jokkupa din il-kariga minn Ġunju tal-2013.