“Il-ħidma tiegħi ma tistax iġġib aktar bidliet minħabba l-attakki fuq il-PN” – Pierre Portelli

Il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari t-tieni waħda fi ftit jiem, qed tiżvolġi wara laqgħa mqanqla tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ntemmet tard ilbieraħ billejl. Pierre Portelli stqarr li dak li ġara fil-laqgħa kompla saħħu fil-ħsieb li jirriżenja minn Chairman Eżekuttiv tal-midja tal-Partit. Fl-ittra tar-riżenja sostna li l-ħidma tiegħu ma tistax iġġib aktar bidliet minħabba l-attakki kostanti u kordinati fuq il-Partit u fuq il-midja tiegħu,fosthom minn uħud mill-membri Parlamentari Nazzjonalisti.

Kienet laqgħa mqanqla dik tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li saret it-Tnejn filgħaxija u damet sa tard billejl. B’għajjat ta’ “imisskom tistħu” jinstemgħu ċari mill-ġurnalisti li kienu qed jistennew ħdejn id-dar ċentrali.

Fi tmiem il-laqgħa membri tal-eżekuttiv fosthom anki deputati ħarġu flimkien bla ma taw kummenti.

Aktar tard Pierre Portelli waqaf mal-ġurnalisti, ftit wara li ppubblika fuq Facebook l-ittra tar-riżenja tiegħu minn Chairman tal-midja tal-Partit. Mistoqsi direttament dwar għaliex id-deputati Simon Busuttil, Karol Aquilina u l-Ewroparlamentari David Casa ħarġu rrabjati, wieġeb hekk: “ċerta nies ma tistax issemmilhom xi ħaġa partikolari għax jitilfu r-raġuni u din sitwazzjoni li ma jistax tkun. Issa suppost għandhom persuna anqas li kienet iddejjaqhom. Mela issa ħa naraw jekk hux se jpoġġu bilqiegħda mal-Kap. Nispera li jaslu biex jaħdmu flimkien”.

Waqt li fakkar li Dr Delia kien elett kap mit-tesserati, is-sur Portelli qal li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista huwa maqsum fi tlieta: dawk li jappoġġjaw lil Dr Delia u dawk f’ċirku li sejjaħlu żgħir li ma jriduhx, “imbagħad għandek grupp li forsi huwa l-akbar grupp li jsib lilu nnifsu fin-nofs u jpoġġi lill-Partit l-ewwel u qabel kollox u s’issa dak il-grupp għadu mhux konvint li għandu jitmexxa xi vot ta’ sfiduċja fil-vot tal-partit”.

Is-sur Portelli ddeskriva wkoll il-grupp ta’ deputati li ma jridux lil Dr Delia bħala Kap. “Jippreferu jissikaw il-ħin kollu, jużaw Facebook, social media, influencers, bloggers, ħbieb tagħhom. Ċirku żgħir u ċirku wieħed. Imma meta they are urged to stand up and be counted jieħdu pass lura għax għandhom distrett, għax għandhom kostitwenza x’jieħdu ħsieb” qal Portelli.

Pierre Portelli kkritika lil Mark Anthony Sammut għall-mod kif tkellem fuq il-midja wara li rriżenja minn President tal-Eżekuttiv. Fl-istess ħin ħeġġeġ lid-deputati kollha b’mod partikolari lil Jason Azzopardi biex joqogħdu attenti kif jużaw il-facebook.

Portelli qal “din li int responsabbli minn settur u moħħok biex tispara fuq settur ieħor. Ma nnaqqasx mill-validità u moħħ legali ta’ Jason Azzopardi. Li nixtieq hu li jikkontrolla s-swaba’ tiegħu minn fuq is-social media.”

Is-sur Portelli fl-ittra tar-riżenja kkritika wkoll li dawk fil-Grupp Parlamentari, li saħansitra sostnew u għenu attività kriminali minn terzi persuni bil-għan li jwarrbu lil Dr Delia minn Kap tal-Partit.

Filwaqt li ddefenda l-operat tiegħu bħala Chairman tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, qal li rriżenja għal raġunijiet purament politiċi għax ma setax jibqa’ jaħdem b’numru ta’ nies jagħtu l-gambetti. U filwaqt li qal li se jibqa’ fl-eżekuttiv u se jibqa’ jaħdem għall-Partit, sostna li issa se jkun jista’ jitkellem b’mod liberu.

Portelli qal “jekk iridu jiddikjaraw r-riżenja tiegħi bħala rebħa. Be my guests. Il-verità hi li hemm triq rebħa waħda li l-Partit jingħaqad.”

Ara wkoll:

ESKLUSSIVA: Pierre Portelli jiftħilha dwar l-attakki interni fil-PN

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

F’vidjo li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali, raġel jidher iwaddab il-petrol fuq karozza u jġibha ħuġġieġa nar. Kelliema għall-Pulizija ikkonfermat ma’ tvm.com.mt li l-każ seħħ il-Ħadd fit-tlieta neqsin kwart ta’…

Tfal

Ġimgħatejn ‘l bogħod mill-Milied, il-professjonisti u l-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS sibnihom iħejju wħud mill-mijiet ta’ rigali li rċevew mingħand għexerien ta’ benefatturi li laqgħu l-istedina tal-Aġenzija Appoġġ…

Saħħa

Investiment ta’ nofs miljun ewro se jwassal għal-riforma fis-servizz respite għall-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani qraba tagħhom f’darhom stess. Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis qal…

Annimali

BirdLife Malta varat kampanja biex il-pubbliku jibda jirrapporta l-‘bird callers’ – apparat elettroniku li jagħmel ħoss ta’ tisfir tal-għasafar u jintuża għall-kaċċa u l-insib. Fi stqarrija BirdLife saħqet li din…

Aktar