Il-ħitan tal-vjolenza domestika anki fl-aġenziji tal-protezzjoni

Il-vjolenza domestika, min-natura tagħha, hija problema moħbija u li ma tantx tiġi rrapportata. Madanakollu, filwaqt li tradizzjonalment dan l-abbuż kien meqjus bħala xi ħaġa privata bejn familjari, din il-perċezzjoni llum inbidlet, tant li issa qiegħed jitqies bħala problema soċjali li jaffettwa parti sostanzjali mis-soċjetà.

Fid-dawl ta’ dan, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) wettaq Performance Audit li bih analizza l-irwol li l-Gvern għandu sabiex jindirizza l-vjolenza domestika. Minħabba n-natura sensittiva u kumplessa ta’ din il-problema, dan l-Uffiċċju analizza s-sistemi operattivi ta’ seba’ entitajiet governattivi differenti, li fil-fehma tiegħu, huma meqjusa bħala l-entitajiet prinċipali li permezz tagħhom din il-problema qed tiġi indirizzata.

Speċifikament, l-eżerċizzju jinkludi analiżi tal-Kummissjoni tal-Vjolenza Domestika, l-Aġenzija Appoġġ, id-Dipartiment tal-Pulizija, il-Qrati tal-Ġustizzja, id-Dipartiment tal-Probation and Parole, id-Dipartiment tas-Saħħa, u d-Direttorati tal-Edukazzjoni.

Fost in-nuqqasijiet li dehru b’mod prominenti, l-Uffiċċju osserva li waqt li wħud mill-entitajiet jikkomunikaw bejniethom sabiex ċertu aspetti tal-operat tagħhom jiġu armonizzati, hemm nuqqas ta’ kordinazzjoni sħiħa u effettiva bejn l-entitajiet kollha li ġew evalwati. In-nuqqas ta’ riżorsi għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-entitajiet, li ġie osservat, kien ta’ ċertu tħassib.

Osservazzjoni oħra ta’ importanza li għamel dan l-Uffiċċju hija l-fatt li l-maġġoranza tal-entitajiet analizzati m’għandhomx sistema ta’ informazzjoni elettronika komprensiva u miżmuma b’mod li tista’ tkun faċilment aċċessata. Dan in-nuqqas jagħmel il-proċess ta’ kwantifikazzjoni tal-problema tal-vjolenza domestika aktar diffiċli milli diġà hi fin-natura tagħha.

Wieħed jista jara l-osservazzjonjiet kollha fir-rapport sħiħ li huwa aċċessibbli mis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: http://www.nao.gov.mt