Qorti
Il-ħlas lill-periti għal pariri lill-bordijiet tal-kera u l-qbiela ma jistax jaqbeż il-€500

Il-ħlas dovut lill-periti li jagħtu pariri lill-Bord li jirregola l-Kera u lill-Bord li jirregola l-Qbiela ma jistax jaqbeż il-€500 għal kull rapport.

Dan se jseħħ permezz ta’ żewġ emendi fil-liġi tal-kera ppreżentati llum għall-midja mill-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Goverenanza.

Fl-1 ta’ Ġunju daħlet fis-seħħ il-liġi għar-riforma tal-kera bil-għan li jintlaħaq bilanc bejn id-dritt tal-inkwilin li jkollu saqaf fuq rasu u d-dritt tas-sid għal kumpens ġust.

Fiċ-ċentru ta’ din il-liġi hemm il-valutazzjonijiet li jsiru mill-membri tal-bord tal-periti meta maħtura sabiex jagħmlu valutazzjoni ta’ kwalunkwe art agrikola jew residenza bil-ħlas seta’ jitla` sa massimu ta’ €2,000.

Fid-dawl taż-żieda ta’ każijiet ta’ din in-natura quddiem il-Qrati nħass il-bżonn li jsiru żewġ emendi sabiex il-ħlas dovut jiġi limitati sa massimu ta’ €500 sabiex rapport eżistenti dwar l-istess proprjetà jkun jista’ jerġa’ jintuża f’kawża oħra.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti Eunice Grech Fiorini spjegat li dan kollu se jevita dupplikazzjoni tax-xogħol.

“Meta rajna l-istatistika ta’ wara li daħlu l-emendi dawn żdiedu konsiderevolment peress li b’din l-emenda diġà hemm rapporti maqbula bejn il-partijiet. Dawn issa ċ-Chair tal-bord jista’ jagħżel li juża lilhom u ma jinħatrux nies ġodda”.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis qal li dawn l-emendi se jnaqqsu d-dewmien biex kawżi ta’ dan it-tip jinqatgħu fl-iqsar żmien possibbli u żied li japplikaw kemm għal-liġi tal-kera kif ukoll għal-liġi li tirregola l-qbiela tar-raba.

“Aċċess xieraq, ma jkunx hemm dewmien u inqas spejjeż ukoll għaċ-ċittadin. Il-ġustizzja rridu dejjem norbtuha b’dak li ħaqqu ċ-ċittadin bl-inqas spejjeż possibbli u b’effiċjenza”.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li dawn l-emendi jkomplu jkunu xhieda ħajja tal-impenn ta’ dan il-Gvern fil-qasam tal-ġustizzja b’anqas spejjeż u aktar effiċjenza.