Edukazzjoni
Il-ħlas ta’ jeddijiet lill-awturi Maltin estiż għal-librerija tal-Università

Il-ħlas ta’ jeddijiet lill-awturi Maltin fuq self mil-Libreriji Pubbliċi, issa ġie estiż għas-self mil-Librerija ta’ Università.

F’dawn il-jiem il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħareġ il-pagamenti lill-awturi għas-self ta’ kotba tagħhom mil-Libreriji Pubbliċi fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena.

Natalie Portelli, Trevor Zahra, Clare Azzopardi, Lina Brockdorff u Charles Casha huma l-aktar ħamsa awturi Maltin li jibbenefikaw mill-iskema tal-Jeddijiet fuq is-Self Pubbliku, li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb introduċa fl-2015.

Matthew Borg, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, qal li din is-sena ġew allokati €50,000 għal dan il-għan, bil-fond żdied b’€10,000 fuq is-sena li għaddiet. Il-kontribuzzjonijiet fi flus lill-awturi, illustraturi u fotografi joħorġu darba kull tliet xhur, skont kemm-il darba il-kotba tagħhom jinħarġu b’self mil-Libreriji Pubbliċi.

Din l-iskema issa se tiġi estiża għal-Libreriji tal-Università wara ftehim li ntlaħħaq mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

“Jiġifieri awturi, illustraturi jew fotografi li għandhom il-kotba tagħhom jissellfu mil-librerija tal-università ta’ Malta dawn issa wkoll se jibdew jingħataw ħlas kull darba li l-ktieb tagħhom jissellef mill-istudenti speċjalment.”

Is-Sur Borg żied li l-pagamenti ma jinħarġux b’mod awtomatiku, imma l-awturi, illustraturi jew fotografi jridu japplikaw mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema. S’issa hemm mal-200 awtur.

Il-ħlasijiet isiru wkoll fuq is-self tal-kotba diġitali

Il-Librar Nazzjonali u Kap Eżekuttiv tal-Malta Libraries, Cheryl Falzon, qalet li mindu faqgħet il-pandemija s-self tal-kotba diġitali ttriplika, waqt li s-self tal-kotba stampati naqas b’40%. Minn aktar minn miljun u wieħed u tletin elf ktieb misluf fl-2019, is-sena li għaddiet mil-Librerija Pubbliċi nħarġu aktar minn ħames mija, wieħed u sebgħin elf ktieb.

“Imbagħad is-self tal-ebooks minn 14-il elf żdiedu għal aktar minn 46 elf. Għalhekk anke din is-sena kellna ħafna talbiet mill-pubbliku biex inżidu ebookd bil-Malti għax aħna s-servizz tagħna iktar kien bil-lingwa Ingliża, Taljna, Franċiż, Ġermaniż, Spanjol etc. imma bil-Malti ma kellniex. Allura din is-sena ħadna l-opporunità bil-pjattaforma Octavo biex ukoll indaħħlu ebooks bil-Malti.”

Is-Sinjura Falzon irrimarkat li l-aktar kotba li joħorġu b’self mil-Libreriji Pubbliċi huma dawk bil-Malti, li huma l-aktar popolari mat-tfal u l-adulti li qabżu l-50 sena.

F’aktar żviluppi, wara ftehim bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-pubblikaturi u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-awturi Maltin se jitħallsu anke meta l-kotba tagħhom jintużaw fl-iskejjel. Għal dan il-għan hemm ġew allokati €100,000 li se jkunu amministrati mill-Organizzazzjoni Maltija għad-Drittijiet Reprografiċi.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ippreżenta wkoll qafas leġislattiv dwar id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali. Dan il-qafas għandu jara li jidħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ medjazzjoni u standards kuntrattwali ta’ livell Ewropew fl-industrija lokali, fosthom il-ħlas xieraq lill-awturi tax-xogħol tagħhom.