Ambjent
Il-ħruq tal-impjant kien l-ikbar daqqa ta’ ħarta għar-riċiklaġġ – Wasteserv

Operaturi ewlenin fl-industrija tal-immaniġġjar tal-iskart fissru l-inċident li seħħ fl-impjant ta’ Sant Antnin meta ħa n-nar madwar 3 snin ilu, bħala l-akbar daqqa ta’ ħarta li Malta sofriet fl-immaniġġjar tal-iskart riċiklabbli.

F’intervista ma’ Television Malta, il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ stqarr li l-kumpanija qed taħdem fuq impjant il-ġdid fil-kumpless Ecohive li se jkun qed jerġa jiffaċilita l-proċess mill-ġdid tas-separazzjoni tal-iskart biex jintlaħqu l-miri ambjentali f’dan ir-rigward.

Intant, il-Ministru Aaron Farrugia ħabbar li ġew ingaġġati iktar spetturi sabiex jaraw li l-iskart li jidħol fil-faċilitajiet tal-Wasteserv jintrema kif suppost u b’riskju inqas għall-inċidenti.

Fil-borża l-griża suppost jintremew affarijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw wara li jiġu rriċiklati bħal-karta, plastik u landa. Madanakollu jirriżulta li kważi nofs mill-iskart mormi f’din il-borża mhux tajjeb għar-riċiklaġġ. Żvela dan ma’ Television Malta l-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca li qal minkejja li sar progress sinifikanti l-Wasteserv għadha qed tirċievi ammont kbir ta’ skart maħmuġ jew mhux riċiklabbli.

“Dan huwa l-ħadid li jiġi mill-bottijiet tal-preserves.Fl-aħħar sales call dan qabeż il-€100 qabel kien iġib inqas minn €50. Mhix biex nagħmlu l-flus, imma l-iktar punt importanti li aktar kemm iġġib flus aktar se jintuża għal għan aħjar.”

Dwar l-osservazzjonijiet li għamel fir-rapport tal-Awditur Ġenerali Charles Deguara, li Malta mhix tilħaq il-miri nazzjonali u Ewropej fl-immaniġġjar tal-iskart, b’mod partikolari l-plastik, is-Sur Bilocca qal li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika bdew jiġu implimentati,

“Ir-rapport tal-NAO ra s-sena tal-2019. Il-prestazzjoni ġiet milquta fil-passat wara li nħaraq l-impjant ta’ Sant’Antnin u fil-fatt bosta miżuri diġà bdew jittieħdu, bħal rakomandazzjonijiet tal-NAO ilhom xhur jiġu implimentati, fl-2020 żdied l-ammont ta’ materjal li jintbagħat għar-riċiklaġġ, jiġifieri qed inqarrbu 80%, u l-prestazzjoni tal-plastik żdiedet bi tliet darbiet.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Koperattiva GreenPak, Mario Schembri, qal li r-rapport għarbel il-prattiċi attwali fl-immaniġjar tal-iskart u rrimarka li l-problema tinsab fit-trattament tal-materjal.

“Waħda mir-raġunijiet, u hija valida, hi li kien hemm l-inċident f’San Antnin. Pero mhux dan biss. Hemm problema fil-kwalità tal-materja li hija appuntu s-sistema li jinġabar fil-boroż, kif nafu suppost jintefgħu tliet materjali, imma l-kumdità tagħha twassal biex kollox jitħallat flimkien.”

Mistoqsi dwar it-triq ‘il quddiem, il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ qal li qed isir investiment f’diversi sistemi ġodda biex itaffu mill-vojt li ħalla l-impjant ta’ Sant’ Antnin. Spjega kif sakemm jitlesta x-xogħol fil-kumpless tal-ECOHIVE li jikkonsisti f’numru ta’ impjanti ġodda, pajjiżna se jkompli jilħaq il-miri tiegħu fir-riċiklar tal-iskart.

Mistoqsi dwar il-prinċipju ta’ minn iniġġes l-aktar jħallas l-iżjed li skont l-awditur ġenerali mhux jitħaddem, is-Sur Bilocca qal li dan fil-fatt huwa parti integrali mill-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart. Iżda dwar dan il-prinċipju l-Kap Eżekuttiv ta’ Green MT, Joe Attard, stqarr li dan jirrikjedi rieda politika kbira.

“Polluter pays principle, u rridu nispjegaw xinhu. Jiġifieri kulħadd jrid jifhem jekk qed jixtri 10 fliexken tal-plastik u se jikkonsma 10 fliexken, irid fl-aħħar mill-aħħar iħallas il-prezz tar-riċiklaġġ tagħhom, u għalhekk il-poplu jdaħħal idu fil-but. Issa mhuwiex daqshekk sempliċi li ddur fuq il-poplu u tgħidli li l-inzjattivi se jkollok idaħħal fil-but.”

Ara wkoll:

Il-PN jgħid li l-miri tal-immaniġjar tal-iskart ma ntlaħqux

Il-Wasteserv b’iktar spetturi biex issaħħaħ il-kontrolli tar-rimi tal-iskart