Lokali
Il-ħtieġa ta’ Liġi Ewropea tal-Klima

Il-bniedem huwa parti min-natura u allura ma jistax jibqa’ jinqeda biha għall-avvanz tiegħu, kif irid u kemm irid. Wara mijiet ta’ snin jagħmel dan, il-bniedem qiegħed jinduna li jekk ma jgħixx f’bilanċ magħha, in-natura turih li hi aqwa minnu.

Studji xjentifiċi juru li, sabiex nevitaw diżastri tan-natura u effetti klimatiċi ħorox, it-temperatura tad-dinja ma tistax togħla b’aktar minn 1.5°C sa nofs dan is-seklu (2050). Għaldaqstant jidher biċ-ċar li, sakemm ma titteħidx azzjoni konkreta b’miżuri favur il-klima madwar id-dinja kollha, it-temperatura tad-dinja ser togħla b’iktar minn 2°C sal-2050. Tidher żieda żgħira, imma 2°C iktar tfisser li l-livell tal-ilma ser jogħla drastikament, il-bijodiversità tan-natura tista’ tinqered kompletament u l-kwalità ta’ ħajja ta’ ħafna nies f’diversi partijiet tad-dinja ser tiġi kompromessa.

Fl-isfond ta’ dan kollu, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tieħu azzjoni konkreta u ħabbret li se tintroduċi liġi Ewropea dwar il-klima sabiex tkun qed tagħmel il-parti tagħha u tagħti eżempju b’miżuri konkreti u ambizzjużi. Din il-liġi tagħmel parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew (European Green Deal) li tħabbar mill-Kummissjoni Ewropea fi tmiem is-sena li għaddiet. Il-Patt jinkludi sensiela ta’ azzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea ser tkun qed tieħu sabiex tfassal it-triq għal Unjoni Ewropea deċiża u ppreparata għall-effetti tat-tibdil fil-klima.

Il-liġi Ewropea dwar il-klima ser tkun waħda mill-miżuri kruċjali sabiex dan il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitwettaq fis-snin li ġejjin. Din il-liġi se tkun qed torbot lill-Istati Membri, ladarba jaqblu fuqha, li jieħdu miżuri kontra l-kawżi tat-tisħin globali u favur prattiċi ekoloġiċi sabiex it-temperatura tad-dinja ma togħliex iktar minn 1.5 °C sas-sena 2050. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ, irid ikun hemm tnaqqis kbir u assolut tal-emisjonijiet ħżiena fl-arja li qed iġibu din iż-żieda fit-temperatura globali u qed iwasslu għall-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima. Għalhekk il-viżjoni tal-Unjoni Ewropea hija li l-Ewropa ssir newtrali għall-klima sal-2050. Dan jista’ jsir billi l-emissjonijiet fl-arja kemm jista’ jkun jinġiebu fix-xejn, isir investiment qawwi f’teknoloġiji li ma jħammġux, u jiġi protett l-ambjent naturali.

Nistgħu ngħidu li huma ħafna s-setturi tas-soċjetà u l-ekonomija li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima. Għalhekk din il-liġi ser tkun qed tagħti direzzjoni fit-tul f’oqsma bħat-trasport, l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, l-enerġija, il-produzzjoni u l-manifattura fost oħrajn.

Il-liġi Ewropea dwar il-klima mhux ser tkun waħda faċli fejn tidħol l-implimentazzjoni u tirrikjedi wkoll investiment kbir. Però dan ifisser ukoll li ser jinħoloq aktar xogħol u tkabbir fl-ekonomija, għaliex ser tinħoloq domanda akbar għal impjiegi ekoloġiċi u għal soluzzjonijiet tekonoloġiċi ġodda li jistgħu jwasslu għal inqas emissjonijiet f’diversi industriji u setturi.

Huwa ċar li dil-liġi ser tkun qed tolqot lil kull wieħed u waħda minna u l-kontribut tagħna ser ikun kruċjali. B’hekk il-Kummissjoni Ewropea fetħet konsultazzjoni onlajn sabiex tagħti opportunità lil kull min irid jesprimi l-opinjoni tiegħu rigward l-għan u l-bżonn għal din il-liġi. Il-MEUSAC ser tkun qed tipprovdi informazzjoni siewja kif ukoll aġġornamenti regolari fuq il-liġi Ewropea dwar il-klima u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, li wieħed ikun jista’ jsegwi fuq il-Policy Tracker li l-MEUSAC reċentament nieda onlajn.

B’liġi bħal din, l-Unjoni Ewropea qed tfassal triq soda għal futur iktar sostenibbli u reżistenti għat-tibdil fil-klima. Dan ser ikun l-ewwel pass ta’ ġgant fi sfond ta’ għexieren ta’ passi oħra li l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri ser ikollha tieħu issa sabiex ma tasalx is-sena 2050 u jkun tard wisq!

Dan it-tagħrif miġbur minn:

 

Aħbarijiet Oħra
Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija qal li mindu bdiet l-investigazzjoni fis-Sezzjoni tat-Traffiku, 34 uffiċjali jinsabu fuq police bail. Minn dawn, 28 huma sospiżi u qegħdin fuq police bail, 6 rtiraw bil-pensjoni u qegħdin…

Lokali

Il-koppja Marvic u Donovan Scerri qed jippjanaw li jmorru Spanja biex jagħmlu l-proċedura tal-IVF f’dan il-pajjiż li jippermetti li jsir test ġenetiku tal-embrijun qabel ikun impjantat fil-ġuf tal-omm biex ikun…

Lokali

Il-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura qed tipproponi 20 miżura biex jissaħħaħ il-monitoraġġ u l-kontrolli fl-industrija tat-tonn kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art. Il-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura qed issejjaħ għal miżuri ta’ kontroll…

Saħħa

L-għaqda Dinija tas-saħħa wissiet li l-virus jista’ jasal fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Is-Supretendent tas-saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li waqt li żidedu l-ammont ta’ swabs li ttieħdu fl-aħħar sigħat ta’ nies…

Aktar