Lokali
Il-jum ta’ Santa Marija biddel l-istorja għall-poplu Malti

Il-festa tal-Assunta taħbat ma’ anniversarju li l-poplu Malti ma jinsiħ qatt. Wara xhur jgħix fil-ħerba u l-faqar tal-gwerra l-festa tal-Assunta tal-1942 sabet lill-poplu Malti f’salib it-toroq – bejn l-għadu u s-salvazzjoni mill-ġuħ. Bħal- lum fil-Port il-Kbir kien daħal il-bastiment SS Ohio, tal-Convoy Operation Pedestal. Mument li biddel l-istorja għall-poplu Malti.

Il-konvoj ta’ Santa Maria biddel l-istorja mhux biss tal-gżejjer Maltin iżda anke tal-Ewropa fil-ġlieda kontra n-Nazzizmu u l-Faxxiżmu. L-istoriku Simon Cusens jgħid li dan l-avveniment għaqqad il-fidi fil-Madonna mas-salvazzjoni tal-poplu Malti li kien ilu aktar minn sentejn jgħix f’faqar assolut. Il-konvoj ta’ Santa Maria jew Operation Pedestal, kien magħmul minn ħames bastiment u ġab provista ta’ ikel lejn Malta għall-perjodu ta’ 3 xhur u kwantità ta’ fuel fuq il-bastiment l-Ohio li huwa meqjus l-aktar importanti għax permezz tiegħu l-ajruplani tar-Royal Airforce setgħu jikkumbattu lill-għadu.

“Il-Konvoj ta’ Santa Marija jissejjaħ hekk għax proprju l-aħħar bastiment minn 5, il fdalijiet ta’ 14 li suppost wasslu bil-proviżjonijiet daħal fil-festa tal-Assunta. Kien l-aktar bastiment importanti mill-ħamsa li daħlu għax kien l-unika wieħed li kien qed iġorr il-fuel”

Ir-riċerkatur Simon Cusens qal li dan kien l-ikbar konvoj li qatt rat id-dinja għax mat-tluq kien magħmul minn 78 bastiment fosthom kien hemm 10 li abbord kellhom mal-1500 suldat kull wieħed. Qal li f’dan il-konvoj kien hemm 23,000 baħri li minnhom bejn il-11 u l-14 ta’ Awwissu fl-eqqel tal-attakki fil-Mediterran mill-Ġermaniżi u t-Talljani tilfu ħajjithom 360 persuna. Minn 14-il vapur daħlu fil-Port il-Kbir 5 bl-aħħar wieħed f’San Marija.

“Il-Maltin ma kinux jafu li se jidħol il-Konvoj. Din kienet operazzjoni sigrieta, però tant kienet kbira li l-kelma nxterrdet. L-għadu kien jaf bihom u seħħet battalja prattikament dawn il-baħrin għamlu 4 ijiem jitqabdu mal-għadu taħt il-baħar, minn wiċċ il-baħar u mill-ajru.”

Is-Sur Cusens qal li kien il-konvoj ta’ Santa Marija li dawwar telfa f’rebħa u anke wassal biex it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija seħħ aktar kmieni b’madwar sena u nofs. “L-ittra tas-surrender kienet xi ħaga ppjanata għal tliet ġimgħat wara u minflok ċedejna, salvajna kellna proviżjonijiet għal tliet xhur, dawwarna difiża għall-offiża, għenna fil-battalja tal-Afrika ta’ Fuq li ntilfet mill-għadu xahrejn wara, f’Ottubru tan-1942 bdew jirtiraw lejn it-Tuneżija, u ftit xhur wara f’Mejju tan-1943 l-Ewropa Nazzista u Faxxista ġiet invazata minn missjoni li seħħet minn Malta.”

Qal dan l-avveniment kien importanti ħafna filwaqt li fakkar li l-konvoj ingħata merħba kbira li l-Ingliżi qatt ma stennew. Iż-żoni ta’ madwar il-Port il-kbir imtlew b’eluf ta’ nies li niżlu jaraw u jagħtu merħba lill-SS Ohio f’gurnata li biddlet il-biża’ mill-faqar u l-ġuħ għat-tama tas-salvazzjoni.

Aħbarijiet Oħra

Is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni, Frank Fabri qal li r-risk assessors li huma liċenzjati mal-OHSA, daħlu fl-iskejjel kollha biex jiċċertifikaw skola, skola hix tabilħaqq preparata għall-ftuħ fid-dawl tas-sitwazzjoni li ġabet magħha l-pandemija….

Waqt il-programm TVAM, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tkellmet dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 fid-djar tal-anzjani. Il-Professur Gauci kkonfermat li llum naqbżu t-3,000 każ ta’ Covid-19 f’Malta. Tkellmet ukoll dwar l-importanza…

Matul il-jum tal-Ħadd inġabret is-somma ta’ €1,436,955 għal Dar Bjorn. Il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi saret sabiex tinfetaħ it-tieni Dar Bjorn għall-pazjenti bl-ALS u kundizzjonijiet newroloġiċi. Il-maratona bdiet f’nofsinhar u…

Is-satelliti li hawn fl-ispazju fuq Malta jipproduċu informazzjoni utli dwar il-kurrenti tal-baħar u l-effetti li għandhom fuq il-kosta Maltija. Grupp ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta ħolqu sistema teknoloġika li permezz tagħha…

Aktar