Edukazzjoni
Il-Junior College jagħlaq 25 sena jeduka liż-żgħażagħ

Mill-Polytechnic għall-Junior College, din kienet it-trasformazzjoni li din l-istituzzjoni post sekondarja għamlet 25 sena ilu.

Minn mindu fl-1 t’Ottubru tal-1995 il-Junior College Gian Frangisk Abela fl-Imsida fetaħ il-bibien tiegħu, għaddew minnu eluf ta’ studenti li jqisu dan il-bini bħala t-tieni d-dar tagħhom.

Il-25 sena ta’ servizz edukattiv tfakkar b’munita maħruġa mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Fetaħ il-bibien tiegħu 25 sena ilu. Illum għall-ħafna studenti post sekondarji huwa t-tieni d-dar tagħhom – il-Junior College Gian Franġisk Abela.

Munita ġdida tal-fidda qed tfakkar dan l-anniversarju. Id-disinn tal-munita li juri l-faċċata tal-kulleġġ ġie provdut mill-Università ta’ Malta u rfinat mid-diżinjatur taz-Zekka Olandiża. Se jinhadmu limitu ta’ seba’ mitt munita.

It-tnedija ta’ din il-munita se tibqa’ tfakkar il-mument partikolari li waqqaf dinja sħiħa – il-pandemija tal-Covid-19 li ħarbtet ukoll il-ħajja studenteska.

Il-Prinċipal tal-Junior College, Paul Xuereb, qal “kienet sena diffiċli ħafna,ma stajniex noffru dak il-programm li s-soltu noffru lill-istudenti tagħna. Aħna m’aħniex iffukati biss biex ngħallmu s-suġġetti aħna rridu l-istudenti ntuhom esperjenza sħiħa”.

Huwa rringrazzja lil-Bank Ċentrali ta’ Malta li laqgħu l-idea tal-munita u qal li din qisha kienet il-kulminu ta’ ċertu ċelebrazzjonijiet li  sfortunatament ma setgħux jagħmlu kif xtaqu.

“Żgur li din il munita se tibqa’ tikkomemora dan il moment u meta jgħaddu 25 sena jew jgħaddi kemm jgħaddi żmien din se tibqa’ hemm u jgħidu ara l-Kulleġġ kien jeżisti u kienet pubblikata fil-25 sena anniversarju.”

Joseph Esposito, uffiċjal tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, qal li din hija t-tieni munita li l-Bank Ċentrali ħareġ b’kollabarazzjoni mal-Universitaà ta’Malta, bl-ewwel waħda li kienet fakkret il-250 sena anniversarju mill-ftuħ tal-Università ta’ Malta fl-2019.

Dakinhar inħarġu żewġ settijiet ta’ muniti li kienu mfittxija mill-kolletturi kemm lokali u anke barranin.

Ir-Rettur tal-Università Alfred J.Vella saħaq fuq l-importanza tal-Junior College u l-importanza fil-formazzjoni taż-żgħażagħ li jgħaddu minn dan il-kulleġġ.

Huwa sejjaħ is-sentejn tal-edukazzjoni post sekondarja bħala sentejn kritiċi li jistgħu jimmarkaw lill-istudenti għall-kumplament ta’ ħajjithom.

Il-Professur Vella qal li jħossu kburi b’dan l-anniversarju li għalih ifisser ħafna u temm jgħid li hija t-tama tiegħu li s-sena li jmiss terġa’ tlaqqa’ lill-istudenti u l-istaff għal sena iktar normali milli għaddew f’istituzzjoni li hija bħat-tieni dar għall-istudenti.