Lokali
Il-Junior Eurovision Song Contest 2021 se jsir fi Franza

Il-European Broadcasting Union u France Télévisions ħabbru li l-Junior Eurovision Song Contest tal-2021 se jsir fi Franza, wara li għall-ewwel darba dan il-pajjiż rebaħ din il-kompetizzjoni fid-29 ta’ Novembru li għadda.

Kienet Valentina ta’ 11-il sena li bil-kanzunetta J’imagine rebħet il-JESC f’isem Franza x-xahar li għadda b’200 punt.

Delphine Ernotte Cunci, president ta’ France Télévisions u l-President elett tal-EBU esprimiet it-tama li l-JESC tas-sena d-dieħla jsir f’ċirkostanzi normali u jkun żmien ta’ ċelebrazzjoni għall-Ewropej kollha.

Martin Österdahl, l-Executive Supervisor tal-Junior Eurovision Song Contest u t-tim tiegħu qalu li kuntenti li France Télévisions se jxandru din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba. Żied li huma ħerqana li jibdew jaħdmu fuq id-19-il edizzjoni tal-JESC bit-tir li jkabbru l-kompetizzjoni u jagħtu spettaklu kbir fl-2021.

Intqal li l-belt u l-post fejn se ssir il-kompetizzjoni se jiġu deċiżi iktar ‘il quddiem.