Politika
AĠĠORNAT: Il-Kabinett japprova white paper favur id-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis sa ċertu ammont

Wara laqgħa maratona ta’ kważi ħames siegħat u nofs, il-Kabinett approva ‘white paper’ li se tkun qed twassal għad-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu personali sa ċertu ammont. F’kummenti ma’ Television Malta, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern dalwaqt se jiżvela l-kontenut tal-proposti dwar din il-white paper.

“Rigward il-legalisation tal-cannabis għall-użu personali illum il-Kabinett approva tnedija l-white paper. Se nkunu qed nagħmlu konferenza, se nkun qed innedija jiena stess u se nagħti spjegazzjoni tal-proposti kollha tal-Gvern.”

Il-laqgħa tal-Kabinett illum saret fil-binja tal-General Workers Union fil-preżenza tal-amministrazzjoni tal-istess unjin. Il-Prim Ministru Abela qal li l-ħidma tal-Gvern preżenti hija riflessjoni tal-valuri favur il-ħaddiem. Ġab eżempju bil-pandemija u rrimarka li flok miżuri ta’ awsterità l-Gvern nieda pjan ekonomiku li rnexxilu jrażżan il-qagħad tant li l-livell ta’ nies jirreġistraw għall-impjiegi issa qiegħed viċin dak ta’ qabel feġġet il-pandemija. Dr Abela sostna li dan huwa frott il-miżuri bħalma huma s-suppliment tal-pagi li flimkien mal-leave tal-kwarantina swew lil Gvern mat-€366 miljun.

F’kummenti mal-ġurnalisti Dr Abela qal li dalwaqt se jitħabbru d-dettalji għall-estensjoni tas-suppliment tal-pagi għal wara Marzu.

“Aktar tard din il-ġimgħa se nkunu qed nagħmlu tħabbira uffiċjali ta’ kif se jitħaddem il-wage suppliment lil hinn minn Marzu. Pero ninsab f’pożizzjoni li nagħti serħan il-moħħ lil familji u negozji li ħallejnijhom joperaw bil-wage suppliment li dan il-Gvern mhux se jkun qed ineħħi s-sapport f’mument li huwa meħtieġ.”

Fi preżentazzjoni li ta lil Kabinett, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr li l-pilastri li l-pajjiż għandu jiffoka fuqhom huma l-edukazzjoni, l-impjiegi diċenti f’dinja ġdida tax-xogħol, is-soċjetà, l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja, l-ekonomija u dawk meqjusa bħala vulnerabbli.

Qal li l-politika soċjali trid tindirizza diversi kwistjonijiet fosthom forom ġodda ta’ prekarjat. Semma wkoll it-trasparenza fis-salarji li qal hija ineżistenti f’ċertu industriji fosthom fis-servizzi finanzjarji. Huwa enfasizza wkoll dwar il-bżonn li jonqsu l-inċident u l-imwiet fuq il-post tax-xogħol; filwaqt li qal li l-pandemija uriet l-importanza tas-sħubija f’unjin u għalhekk semma mill-ġdid il-proposta li din tkun awtomatika.