Lokali
Il-Kabinett japprova l-bini tat-2 interconnector b’investiment ta’ €170 miljun

Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli ħabbret li dalgħodu l-Kabinett tal-Ministri mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abvela approva l-pjan ta’ espanjoni fis-settur tal-enerġija għal pajjiżna permezz tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija.

F’konferenza tal-aħbarijiet fit-Terminal Station tal-Enemalta fil-Magħtab, il-Ministru Dalli qalet li t-tieni interconnector se jsir b’investiment ta’ €170 miljun. Qalet li dan mhux biss se jirdoppja l-konnettività ta’ pajjiżna mal-grid Ewropew iżda se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista.

Il-Ministru Dalli qalet li t-tieni interconnector se jkollu kapaċità ta’ mitejn mega watt b’konnessjoni simili għal dik tal-ewwel interconnector.

Hija qalet li l-Gvern diġà ħejja l-infrastruttura meħieġa tat-tieni interconnector fosthom ir-reactor u l-bażi għall-iswitchgear f’Ragusa fi Sqallija u l-iswitchgear u l-kontrolli f’Malta.

Il-Ministru għall-Enerġija qalet li b’dan it-tieni interconnector se nnaqqsu d-dħaħen fl-arja mis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija bi tmienja u ħamsin fil-mija.

Dr Dalli qalet li l-Gvern se jkun qed jaġġorna d-diżinn tekniku tal-2015, se jsir studju f’qiegħ il-baħar, se tinħareġ sejħa għall-offerti u jiġġeddu l-permessi tal-iżvilupp f’Malta u fl-Italja.

Qalet li dan kollu qed isiru fuq studju komprensiv li ħares lejn id-domanda għall-provvista tal-enerġija għal 15-il sena li ġejjin. Qalet li l-istudju ħares lejn għadd ta’ għażliet għall-konnettività, ir-riskju u l-vantaġġi. Qalet li l-konnessjoni ma’ Ragusa tfisser anqas riskji u toffri l-aħjar stabbiltà fil-grid.

Il-Ministru temmet tgħid li l-pjan tal-Gvern hu mibni fuq ħames pilastri ewlenin, fosthom id-diversifikazzjoni fis-sorsi, is-sigurtà tal-provvista u stabbiltà fil-prezz għall-familji u negozji, id-dikarbonizzazzjoni u li l-konsumatur jibqa’ fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.