Saħħa
Il-Kabinett jiltaqa’ f’Mater Dei – dalwaqt se jiġi inawgurat iċ-Ċentru tal-Anatomija f’Għawdex

Il-viżjoni tal-Gvern għall-qasam tas-saħħa ġiet spjegata waqt laqgħa tal-kabinett li saret fl-isptar Mater Dei. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-settur tas-saħħa dejjem kien mogħni b’ħafna nies ta’ talent, iżda r-riżorsi mhux dejjem intużaw bl-aħjar mod. Qal li r-riżultati ta’ inizjattivi li ttieħdu mill-Gvern qed jarahom kulħadd. Fil-laqgħa d-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, elenka l-proġett ippjanat fil-qasam tas-saħħa kemm biex jiżdiedu s-sodod f’Mater Dei kif ukoll biex mis-sena d-dieħla jibdew jintużaw robots biex jassistu lill-kirurgi fl-operazzjonijiet.

Fil-laqgħa tal-kabinett li saret l-isptar Mater Dei, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-qasam tas-saħħa dejjem kellu nies ta’ talent imma sostna li dan kien ikkaratterizzat minn tmexxija ħażina ta’ riżorsi. Qal li l-problemi ta’ nuqqas ta’ pilloli, listi ta’ stennija, u tmexxija ħażina fl-użu tal-ispazju fl-isptar Mater Dei gew solvuti b’diversi mizuri u inizjattivi mill-gvern.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal “ir-riżultati qegħdin hemmhekk biex jarawhom mhux biss in-nies li qegħdin joperaw f’dan il-qasam, u nixtieq nirringrazzja lill-professjonisti li huma uħud min-nies l-iktar importanti biex jimmaniġġjaw dan it-turnaround, imma iktar importanti minn hekk iħossuhom il-pazjenti, iħossuhom in-nies.”

Il-Prim Ministru spjega li l-Gvern għandu pjan biex ikompli itejjeb is-servizzi tas-saħħa bis-sħubija ma’ Stuart Health Care u l-professjonisti kollha f’dan il-qasam.

Id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li fadal xi sfidi li jridu jiġu indirizzati. Spjega li l-ewwel sfida hi li jiżdiedu s-servizzi għall-pazjenti, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni qed tkompli tikber. It-tieni sfida qal hi s-sostenibbilità għax il-mediċini ġodda qed jiswew mijiet ta’ eluf ta’ Ewro u qal li mhix ħaġa rari biex jintefqu kwart ta’ miljun Ewro għal persuna waħda bil-kanċer. Dr Fearne qal li t-tielet sfida hi l-innovazzjoni fosthom l-użu tal-blockchain u l-użu tat-teknoloġija godda fil-qasam tas-saħħa.

Il-Ministru Chris Fearne qal “ħa nkunu qegħdin indaħħlu ġo dan l-isptar, robots li joperaw. Dawn diġà jeżistu jiġifieri f’numru żgħir ta’ ċentri madwar id-dinja, huma ġa pruvati u ġa bgħattna pazjenti għalihom, il-kirurgi llum flok ikollhom assistent, ikollhom robots li qed jassistuhom. U dar-robots, bl-artificial intelligence, jitgħallem mill-kirurgu.”

Il-Ministru Fearne qal li l-ikbar sfida hi li l-mentalità li trid tinbidel biex taħseb aktar fil-prevenzjoni tal-mard. Spjega li sal-lum jintefaq biss wieħed fil-mija tal-budget tas-saħħa fuq il-prevenzjoni tal-mard u sostna li din trid tinbidel biex il-poplu jkun iżjed b’saħħtu. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jitnieda pjan ta’ ħidma dwar l-HIV. Sostna wkoll li jridu jittieħdu l-passi biex iżjed tfal jitlaqqmu.

Dwar il-kura primarja, il-Ministru Fearne qal li sar xogħol fuq ċentri tas-saħħa ġodda u qal li l-Gvern wasal biex jiffirma kuntratt għal ċentru kbir tas-saħħa f’Raħal Ġdid, waqt li fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ sejħa għall-interess għal ċentru fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta li se jkun bħal sptar żgħir.

Dwar l-isptar Mater Dei, il-Ministru Fearne qal li bejn 4 u 6 snin oħra dan irid jikber b’300 sodda, binja tal-outpatients b’120 sodda, sptar akut mentali b’120 sodda oħra, u sptar ieħor għall-maternità u t-tfal.

Il-Ministru qal li mas-Stuart Health care x-xogħol miexi ġmielu u nhar il-ġimgħa f’Għawdex se jiġi inawgurat ċentru tal-anatomija. Qal li fl-isptar San Luqa u Karen Grech se jsiru xogħolijiet għal sptar ta’ rijabilitazzjoni u ta’ ġerjatrija rispettivament. Il-Ministru Fearne qal li fl-aħħar 4 snin żdiedu 500 infermier u 300 tobba u konsulenti.

Dwar l-isptar Monte Carmeli, il-Ministru tas-Saħħa qal li qed jinħarġu t-tenders għax-xogħlijiet f’dan il-bini li qal għandu bżonn programm qawwi ta’ manutenzjoni. Spjega li dan ma jistax jingħalaq minħabba li hemm pazjenti li ilhon snin hemm u għalhekk diffiċli jintegraw fil-komunità.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li hu għadu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista. “Kien hemm aħbarijiet fuq il-midja li diġà Kap tal-Oppożizzjoni ġdid u ssemmiet l-Onorevoli Therese…

Politika

Fl-aħħar sigħat il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ ma’ diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista fil-Palazz ta’ Sant’ Anton. Fost id-deputati li diġà kellhom laqgħa mal-President Vella kien hemm Beppe Fenech Adami,…

Politika

Il-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia mid-deputati Nazzjonalisti ħoloq xenarji ġodda b’opinjonisti jgħidu li din is-sitwazzjoni kompletament ġdida fl-istorja politika ta’ Malta. Fil-programm Ras imb’ Ras fuq TVM, l-opinjonist Dr Mario…

COVID-19

Il-COVID-19 u x-xogħol ġew diskussi minn mexxejja minn madwar id-dinja f’summit virtwali organizzat mill-Għaqda Dinjija tax-Xogħol, l-ILO. Fil-fehma tal-kap tal-organizazzjoni, il-pandemija tefgħet id-dinja tax-xogħol fi kriżi bla preċedent. F’messaġġ waqt…

Aktar