X

Il-kafè ta’ Starbucks kif se jinżel mat-Taljani?

Għada l-katina tal-ħwienet popolari Starbucks se tkun qed tiftaħ ukoll ħanut fl-Italja. Il-ħanut se jkun ibbażat f’Milan, fil-binja msemmija Palazzo delle Poste li ġiet iddisinjata fl-1901.

Ix-xogħol fuq dan il-ħanut ilu għaddej iktar minn sentejn, iżda l-prodott komplut issa huwa mistenni jħalli effett differenti mill-ħwienet l-oħra li kellha Starbucks s’issa, bl-eċċezzjoni taż-żewġ roasteries li nfetħu f’Shangai u Seattle.

L-Istarbucks Roastery f’Milan jilqgħek b’pavimentar tal-irħam u pannelli tal-injam mal-ħitan u s-soqfa, li jagħtu dehra lussuża u jikkumplimentaw it-tradizzjoni Taljana tal-kafe.

Minbarra x-xarba ewlenija tal-kafe, dan il-ħanut se joffri wkoll varjetà ta’ cocktails u ġelati, kif ukoll ħobż u pizza li jinħmew f’forn tal-ħatab fil-ħanut stess.

Il-mistoqsija fuq fomm kulħadd hija kif se jinżel il-kafe Amerikan mat-Taljani, li huma kemmxejn kburin bil-kafe tagħhom, u għadhom leali lejn il-capuccino u l-espresso mingħajr wisq frilli.

Intant, ix-xahar li għadda tħabbar li Starbucks se tkun qed tiftaħ ukoll ħanut f’Malta s-sena d-dieħla.

RA :