Kurżitajiet
BIL-FILMAT: Il-Kambodja tieqaf tuża far li kien isib il-mini tal-art

Far li kien jintuża fil-Kambodja biex isib il-mini tal-art mhux se jibqa’ jintuża f’dan ix-xogħol minħabba li xjaħ.

Il-far ta’ seba’ snin, li jismu Magawa, sab 71 mina tal-art tul il-ħames snin li ġie użat mill-awtoritajiet tal-pajjiż u kien anke ngħata midalja għax-xogħol li wettaq.

Din il-midalja, magħrufa bħala PDSA Gold Medal, tingħata lil annimali li f’xogħlhom ikunu salvaw in-nies. Fis-77 sena li ilha tingħata din kienet l-ewwel darba li l-midalja marret għal far.

Huwa kien imħarreġ biex isib il-mini tal-art mill-għaqda karitattiva Belġjana “Apollo” li ilha mill-1990 tħarreġ firien biex ixommu l-mini tal-art.

Il-firien jiġu mħarrġa biex ixommu kimika fl-isplussivi u għalhekk ma jagħux każ ta’ metalli oħra li jkunu fl-art.

Magawa jiżen kilo u nofs u dan il-fatt għamilha possibbli li jgħaddi minn fuq il-mini mingħajr ma jisplodu.

Il-mara li tieħu ħsiebu, identifikata bl-isem Malen, qalet li issa li xjaħ u ma baqax ħafif bħal qabel jeħtieġ li jitħalla jistrieħ.

Huwa kkalkulat li fil-Kambodja hemm madwar sitt miljun mini tal-art. Huwa stmat li fil-pajjiż madwar 40,000 tilfu parti minn saqajhom minħabba fihom.