Barranin
“Il-kamra kienet qisha dgħajsa f’nofs baħar imqalleb” – Malti li ħass it-terremot f’Melbourne

Terremot li kejjel 5.8 fuq l-iskala Richter heżżeż ix-Xlokk tal-Awstralja u għamel ħsara f’xi binjiet fil-belt ta’ Melbourne. It-terremot seħħ fid-9.15am. B’xorti tajba ħadd ma weġġa’; għalkemm kif qalilna Malti emigrant l-Awstralja, diversi nħasdu b’dak li ġara anke għaliex it-terremoti fl-Awstralja huma rari ħafna.

Dan kien il-mument li fih terremot li kejjel 5.9 fuq l-iskala Richter heżżeż ix-Xlokk tal-Awstralja fosthom Melbourne. Dak il-ħin kien għaddej breakfast show u kif jidher ċar il-preżentaturi tħallew bla kliem fl-istudio.

Il-kameras tas-sigurtà fi ski resort f’Victoria ukoll qabdu l-mument li matulu għamel it-terremot.

Paul Vella, li flimkien ma’ martu ilu li emigra minn Malta għal Melbourne 56 sena, iddeskriva l-mument li ħassew it-theżżiża, li kif qal hu hi ħaġa rari ħafna fil-belt.

“Kienet dalgħodu kmieni, kont qiegħed fuq il-kompjuter jien bħas-soltu kienu qisu d-9.15am…f’daqqa waħda l-kamra kienet qisha dgħajsa f’nofs baħar imqalleb, tixxengel min-naħa għall-oħra. Lill-mara għedtilha dan qisu terremot. F’daqqa waħda l-ġirien kollha ħarġu barra mwerwrin għax aħna mhux imdorrijin bit-terremoti…speċjalment terremot qawwi bħal dan li kellna u kif għedtlek kienet ħasda kbira għalina hux veru…”

Filwaqt li dan kien wieħed mill-akbar terremoti li laqat l-Awstralja, ma jidhirx li għamel ħsarat kbar. Paul ikkonferma li ħadd ma weġġa’ f’dan it-terremot, iżda f’Melbourne kien hemm ħsara estensiva f’bini partikolari.

L-unika post li kien hawn xi problema kien Chapel Street illi kien hemm bini ftit antik imma waqgħet parti kbira minn fuq u l-bricks kollha waqgħu fil-bankina. Kienet xorti tajba li ma kien għaddej ħadd u ma weġġa’ ħadd.

It-terremot kien segwit minn żewġ theżżiżiet, waħda li kejlet 4 u l-oħra 3.1 fuq l-iskala Richter. Fil-belt ta’ Melbourne hemm 5 miljun persuna u bħalissa r-residenti jinsabu f’lockdown minħabba l-aħħar każi li feġġew tal-Coronavirus.