Saħħa
Il-kamra mortwarja f’Mater Dei kważi mimlija wara erbat ijiem bla funerali

B’79 katavru, dalgħodu l-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei kienet qrib li tilħaq l-ogħla numru ta’ katavri li tista’ tieħu.

Dan hu effett ta’ erbat’ ijiem li matulhom il-Knisja Kattolika ma tagħmilx funerali. L-awtoritajiet attivaw pjan ta’ kontinġenza li laqa’ għal din iċ-ċirkostanza.

Minn Ħamis ix-Xirka sal-Għid il-Kbir, il-Knisja Kattolika ma tippermettix li jsiru funerali. Effett ta’ dan, persuni li mietu min-nhar l-Erbgħa u riedu funeral bil-knisja ma bdewx jindifnu qabel dalgħodu. Dan wassal għal akkumulu ta’ katavri fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei.

Minn tagħrif li għandu Television Malta, sat-Tnejn filgħodu, qabel ma reġgħu bdew isiru l-funerali, kien hemm 79 katavru f’din il-kamra mortwarja; madwar ħmistax anqas mill-massimu li tiflaħ tieħu, kif spjega l-Manager tal-Operat tal-Kamra Mortwarja u l-Pataloġija Anatomika, David Grima.

“Oriġinarjament il-ħsieb kien li aħna jkollna spazju għal sittin katavru, però, bil-pjanijiet ta’ kontinġenza u kif evolvew iż-żminijiet, issa ilna fuq 10 snin. Allura kellna naħsbu għall-esiġenzi l-ġodda, inkluż anke meta jkollna influss kbir, u sar investiment ta’ trolleys apposta fejn nistgħu inżidu l-kapaċità għal ftit iżjed minn 90 katavru.”

Spjega li f’dawn iċ-ċirkustanzi jiskatta pjan ta’ kontinġenza. “F’dak il-każ aħna jkun hemm il-pjan ta’ kontinġenza, fejn dawn it-trolleys se jidħlu f’postijiet apposta li huma kontrollati mit-temperatura, u se nżidu l-kapaċità.”

Mit-Tnejn filgħodu beda rilaxx gradwali tal-katavri biex jingħataw l-aħħar tislima b’funeral Kattoliku. Is-sitwazzjoni tieħu ftit jiem biex tirritorna għan-normal.

Is-Sur Grima qal li f’ċirkostanzi normali, f’din il-kamra mortwarja jidħlu medja ta’ 10 katavri kuljum u joħoġu daqstant ieħor, għal total ta’ ftit aktar minn 3,000 fis-sena.

“Il-katavri jkunu maħżuna f’postijiet, l-ewwel nies ‘il bogħod mill-għajn biex nagħtuhom ir-rispett tagħhom. It-temperaturi jkunu regolati, biex dak li jkun il-katavru ssir l-aħjar preservazzjoni tiegħu. Apparti minn hekk, l-istaff hu ttrenjat apposta biex ikun hemm dak ir-rispett. Aħna f’ambjent ta’ sptar qed naħdmu. Fil-fatt insejħulhom pazjenti, pazjenti tagħna, kif inhuma l-pazjenti l-oħra, ikunu għaddew minn fażi oħra sfortunatament, u f’dak il-każ aħna qegħdin nagħtuhom dak l-aħħar servizz li jkun hemm bżonn.”

L-akbar għadd ta’ katavri f’din il-kamra mortwarja jiġu mill-Isptar Mater Dei stess u mill-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Jinżammu wkoll pazjenti li jmutu fl-Isptarijiet Karin Grech u Boffa. Riċentament żdiedu wkoll l-imwiet ta’ residenti f’San Vinċenz de Paul. Jinżammu wkoll katavri ta’ persuni li jmutu fid-dar u każijiet ta’ forensika bħal imwiet f’delitti u inċidenti.

 

Aħbarijiet Oħra
Politika

Jidher li l-partiti għamlu ħidma akbar biex jiġu eletti aktar nisa eliġibbli għall-kandidatura anke fost il-partiti ż-żgħar fuq livell Ewropew. Il-Professur Carmen Sammut qalet li fuq livell Ewropew, il-“family friendly…

Politika

Il-Membru Parlamentari għall-Partit Laburista Alex Muscat qal li r-riżultat ta’ din l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew huwa l-ewwel ġudizzju tal-poplu wara l-każ Egrant. Dan Alex Muscat qalu waqt il-programm Insights immexxi mill-ġurnalista…

Politika

F’kollegament dirett ma’ TVM, fuq il-programm Insights immexxi mill-ġurnalista Norma Saliba, l-uffiċjal tal-Partit Laburista Louis Gatt, qal li ħarġu xi riżultati proviżorji mill-ewwel għadd tal-voti. Dr Miriam Dalli għall-Partit Laburista…

Aktar