Lokali
Il-Kamra tad-Deputati tiddiskuti abbozz ta’ liġi dwar riforma fil-professjoni legali

Il-Kamra tad-Deputati bdiet tiddiskuti abbozz ta’ liġi dwar riforma fil-professjoni legali bil-għan ukoll li tindirizza ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Moneyval.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, li ressaq l-abbozz, qal li għandu jkun hemm regolamentazzjoni soda u ċara li tqis ir-realtajiet tal-lum fl-operat u l-organizzazzjoni tal-qasam legali li mbidel tul iż-żmien. Qal li l-abbozz jagħti dimensjoni pubblika kbar lill-professjoni għax tindirizza r-relazzjoni bejn il-klijent u l-avukat u is-servizz mogħti.

Il-Minsitru Zammit Lewis qal li l-Kamra tal-Avukati kienet ħarġet dokument għall-konsultazzjoni dwar riforma fil-professjoni 13-il sena ilu iżda  qatt ma sar xejn ħlief li kien sar l-ewwel qari ta’ liġi dwar dan lejliet l-elezzjoni tal-2013.

Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li l-professjonisti legali għandhom jimxu bl-etika kif jesiġi l-Moneyval f’industriji ġodda bħalma huma s-servizzi finanzajraji u l-igaming. Dr Zammit lewis qal li il-kumitat maħtur mill-Kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-Ġustizzja se jkun responsabbli għall-ħruġ tal-warrant tal-avukati u għall-ewwel darba se jżomm reġistru tal-persuni fil-professjoni legali. Qal li se jidħol il-kunċett ta’ skwalifika jekk il-persuna legali tonqos li tissodisfa l-obbligi tagħha fosthom ukoll fejn jidħol ħasil ta’ flus.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Ġustizzja Karol Aquilina akkuża lill-Gvern li ressaq l-abbozz għal konvenjenza u mhux għax irid jirregola l-professjoni b’mod serju.  Huwa qal li l-Gvern ilu s-snin jiddiksuti mal-Kamra tal-Avukati li d-dokument li ppreżentat snin ilu jmur iktar ‘l hemm minn dak ikkontemplat fl-abbozz.

L-avukat Aquilina talab għal sehem akbar mill-Kamra tal-Avukati fl-għoti tal-warrant u għamel sejħa biex il-Gvern jirrikonoxxi l-Kamra uffiċcjalment. Huwa kkritika l-ħatra tal-Kumitat li jagħti l-warrant għax qal li xorta huwa kkontrollat mill-Gvern.