Ekonomija u Finanzi
AĠĠORNAT (2): Diversi reazzjonijiet għall-pakkett ta’ għajnuna mħabbar mill-Gvern

Il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija fi stqarrija qalet li hija diżappuntata bil-pakkett ta’ għajnuniet li tħabbar mill-Prim Ministru. Żiedet tgħid li bil-miżuri li tħabbru xorta ser ikun hemm telf ta’ impjiegi.

Skont il-Kamra, l-impjegati ser ikunu l-akbar telliefa. Qalet li s-sussidju temporanju fuq il-pagi kienet l-miżura ewlenija li kienet qed tistenna u sostniet li ekonomikament u soċjalment din tkun ġustifikata biex min iħaddem ma ikeċċiex lill-ħaddiema. Ilmentat li l-parti l-kbira tal-pakkett finanzjarju huwa għal garanziji fuq is-self. Fl-istess waqt, il-Kamra tal-Kummerċ laqgħet tajjeb li l-Gvern ser jagħmel tajjeb għal parti tal-leave tal-kwarantina b’350 ewro għal kull ħaddiem anke jekk dan mhux kumpens sħiħ.

L-Assoċazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, qalet li l-miżuri tal-Gvern huma ‘l bogħod minn dak li hu meħtieġ, hekk kif is-settur tal-ospitalità jinsab f’salib it-toroq. Qalet li l-miżuri mhux se jkunu biżżejjed biex in-negozji jibqgħu joperaw, u kompliet li jistgħu jkampaw biss għal ftit ġimgħat bis-sitwazzjoni preżenti.

L-MHRA qalet li tilqa’ l-miżuri proposti dwar self garantit mill-Gvern li jikkumplimentaw l-għotjiet. Qalet li l-Gvern jeħtieġ jagħti mill-inqas €800 fix-xahar għal kull impjegat, u mingħajr din l-għajnuna, is-sitwazzjoni se tiġi diffiċli ħafna fi żmien qasir.

Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji qalet li bis-sitwazzjoni preżenti, diversi impjegati se jingħataw is-senjsi u negozji se jingħalqu. Fi stqarrija qalet li l-Gvern reġa’ wera li mhux jifhem is-sitwazzjoni li jinsabu fiha n-negozji. Żiedet li l-Gvern għandu jimxi fuq il-passi ta’ pajjiżi oħra, li ddeskrivew il-miżuri bħala budget ta’ gwerra, u li taw prijorità lin-negozji u lill-ħaddiema.

Il-GWU qalet li l-Gvern għandu jkompli jniedi aktar miżuri sostenibbli fl-ekonomija bil-għan illi jkompli itaffi t-tbatijiet fl-immedjat għal min iħaddem. Il-GWU qalet li fid-diskussjonijiet li qed ikollha ma’ diversi postijiet tax-xogħol, hija infurmata li l-miżuri offruti xorta ser ikun hemm tkeċċijiet mill-postijiet tax-xogħol u proponiet aktar miżuri diretti għaż-żamma tal-ħaddiema. Il-GWU qalet li hemm miżuri tajbin fuq aspett soċjali, fosthom iż-żieda ta’ sussidju tal-kirjiet għal min jitlef l-impjieg u jkun qiegħed bil-kera u għall-persuni b’diżabilità.

Sadanittant, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Dr Mario Vella, fil-programm Dissett, qal li l-pakkett imħabbar mill-Gvern jirrappreżenta 13 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross. Qal li dan il-pakkett iħabbatha sew ma’ pakketti ta’ stimuli ekonomiċi li saru f’pajjiżi oħrajn, fosthom fir-Renju Unit.

Ara wkoll:

Il-PM iħabbar pakkett ta’ miżuri għan-negozji u l-familji b’investiment ta’ €2 biljun