Lokali
Il-Kamra tal-Kummerċ tgħid li d-diskussjonijiet dwar il-ftuħ tal-ispiżeriji l-Ħadd waranofsinhar għadhom lura

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li d-diskussjonijiet dwar il-ftuħ tal-ispiżeriji l-Ħadd waranofsinhar u l-festi pubbliċi għadhom lura u li ilha x-xhur ma tiġi kkonsultata dwar din il-proposta.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-aħħar korrispondenza li kellha f’dan ir-rigward kien fi Frar tas-sena li għaddiet. Qalet li l-proposta saret b’mod konġunt minn entità oħra li tinforza l-iskeda ta’ spiżeriji li jiftħu l-Ħadd u fil-festi pubbliċi.

Ilbieraħ, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-Gvern jinsab f’diskussjonijiet avvanzati biex nhar ta’ Ħadd l-ispiżeriji mhux biss jiftħu fin-nofstanhar ta’ filgħodu iżda jibdew jiftħu waranofsinhar ukoll.

Il-Kamra tal-Kummerċ, f’isem is-sezzjoni li tirrappreżenta dan is-settur ħeġġet lill-awtoritajiet biex tikkonsulta ma’ dawk kollha involuti qabel ma tidħol fis-seħħ din il-bidla bil-għan li l-pubbliku jkun moqdi aħjar u jkun hemm kummerċ ġust bejn l-ispiżeriji kollha.

Intant, fi stqarrija separata, il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li l-aħħar korrispondenza li kellha b’rabta mal-ftuħ tal-ispiżeriji l-Ħadd waranofsinhar u l-festi pubbliċi kienet fl-14 ta’ Settembru li għadda.