Turiżmu
Il-Kamra tal-Kummerċ tħeġġeġ lill-pajjiż jibqa’ ffukat fuq it-tnaqqis tal-każijiet tal-Covid-19

Il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija rreaġixxiet għall-fatt li r-Renju Unit ma nkludix lil Malta fil-lista l-ħadra għall-ivvjaġġar billi ħeġġet lill-pajjiż jibqa’ iffukat fuq it-tnaqqis fil-każijiet tal-Covid-19.

Waqt li nnutat li Malta naqqset sew il-każijiet attivi fi żmien relattivament qasir hija rrimarkat li pajjiżna ftit għandu iktar każijiet, għal kull 100,000 persuna, mill-Portugall li ġie nkluż fil-lista.

Il-Kamra fakkret li hemm pajjiżi oħra li diġà ddikjaraw lil Malta bħala waħda li mhix ta’ riskju u qalet li dan jawgura tajjeb li r-Renju Unit idaħħalna fil-lista l-ħadra.

Hija nsistiet li Malta għandha toqgħod attenta ħalli l-każijiet jibqgħu baxxi u stqarret li l-fatt li pajjiżna jinsab quddiem pajjiżi oħra tal-UE fit-tilqim jawgura tajjeb għal meta jiftaħ it-turiżmu fl-1 ta’ Ġunju.