Kostruzzjoni
Il-Kamra tal-Periti titlob lill-Gvern jemenda l-abbozz tal-Att dwar l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni għal aktar trasparenza

Il-Kamra tal-Periti mhijiex sodisfatta u tinsab imħassba dwar l-abbozz tal-Att dwar l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u għalhekk qed titlob lill-Gvern biex jemenda dan l-abbozz bil-għan li jkun hemm aktar trasparenza.

Il-President tal-Kamra tal-Periti, Andre Pizzuto, qal li l-bord ta’ din l-awtorità l-ġdida se jkun ‘factotum’, li saħansitra jiddeċiedi kollox hu. Esprima tħassib li l-liġi tagħti wkoll il-poter lill-bord li jiddelega xogħol li jkun qed jagħmel, fi kliemu dan jista’ jwassal għal abbuż jew nuqqas ta’ trasparenza.

Il-Kamra tal-Periti hija mħassba wkoll dwar il-fatt li b’din il-liġi, kull poter jew dmir li se jkollha l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se jkun jista’ jiġi ddelegat lil entità mhux governattiva. Qalet li huwa ta’ tħassib għaliha għax il-mod kif inhi miktuba l-liġi ma jispeċifikax kif ħa jsir dan u x’jista’ jiġi delegat u x’ma jistax jiġi delegat, fosthom pereżempju l-liċenzjar tal-kuntratturi.

Il-Perit Pizzuto qal li bħalma l-lstat joħroġ il-warrant tal-periti, għandu jkun l-istat li joħroġ il-liċenzji tal-kuntratturi.

Qal ukoll li hu inketanti li fil-Kumitat Parlamentari, il-konsulent tal-Gvern indika li jista’ jkun hemm il-ħsieb li l-infurzar fuq is-siti ta’ kostruzzjoni jiġi delegat lil-LESA. Żied li hu ta’ tħassib ukoll li n-National Building Code se jinkludi kull tip ta’ regolament. Il-Kamra qed tipproponi li jkun hemm separazzjoni tar-regolamenti dwar id-diżinn minn dawk dwar il-kostruzzjoni.

Il-Perit Pizzuto ilmenta li l-Kamra tal-Periti ma ngħatatx iċ-ċans li tippreżenta l-proposti riċerkati tagħha lill-Gven u l-konulenti tiegħu, jew lill-kelliem attwali tal-oppożizzjoni dwar is-settur. Żied li l-uniku etitià li semgħet x’kellha xi tgħid il-Kamra tal-Periti kien il-Kumitat Tekniku li kien waqqaf il-Prim Ministru, li qal mhux biss sema imma għamel tiegħu r-riċerka u l-kunċetti tal-Kamra.

Il-President tal-Kamra tal-Periti qal li l-Kamra qatt ma talbet li tkun rappreżentata fuq il-Bord tal-Awtorità għax hija tirrifjuta li jkun fuq bordijiet eżekuttivi ta’ entitajiet pubbliċi, u pproponiet li jkun hemm Stakeholders’ Committee.