Barranin
“Il-Kanċillier mexxiet lill-Ġermanja b’id soda imma mhux b’id iebsa”

Din l-elezzjoni ġġib fi tmiemu kapitlu ta’ 16-il sena fl-istorja tal-Ġermanja bit-tmexxija f’idejn il-Kanċillier Angela Merkel. Dwar aspetti minn ħajjet Angela Merkel u l-legat tagħha bħala Kanċillier, tkellimna ma’ Dr Albert Friggieri – studjuż tal-Ġermaniż u sa sentejn ilu Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġermanja.

“L-iktar ħaġa li tispikka fil-każ tal-Kanċilliera Merkel hi l-kapaċità kbira li kellha biex anke f’sitwazzjonijiet diffiċli fejn qabel kien jidher impossibbli, issib mod kif tasal u twassal għall-ftehim. Kellha ħila kbira biex twassal għal kompromess. Fl-istess ħin kellha sens kbir ta’ bilanċ marbut ma’ sentiment qawwi ta’ ġustizzja. Il-Kanċillier mexxiet lill-Ġermanja b’id soda imma mhux b’id iebsa.”

Minbarra li hi l-ewwel Ġermaniża li okkupat il-kariga ta’ Kanċillier, jaf tkun ukoll l-aktar waħda li damet fil-kariga. Dan inkunu nafuh fil-ġimgħat li ġejjin skont kemm idumu t-taħdidiet biex jiġi iffurmat Gvern ta’ koalizzjoni. Jekk jiġri hekk tkun kisret ir-rekord tal-Kanċillier Helmut Kohl. Merkel hi l-ewwel Kanċillier li kibret fil-Ġermanja Komunista, fil-Ġermanja ta’ Lvant. Mil-lat ekonomiku, f’dawn is-16-il sena għadha ċertifikat tajjeb.

“Bħala pajjiż l-ikbar wieħed fl-Ewropa bħala popolazzjoni, madwar 83 miljun. Il-qgħad bħalissa definittivament li mhux għoli, qiegħed ftit iktar minn 3%, l-inflazzjoni ftit iktar minn 1%, xi 1.3%, fost iż-żgħażagħ il-qgħad huwa l-inqas fl-Ewropa.”

Kontroversjali fl-2015 id-deċiżjoni tagħha li aċċettat li jidħlu fil-Ġermanja iktar minn miljun refuġjat. Id-deċiżjoni kellha effett fuq it-tifsila politika tal-pajjiż.

“Merkel ħasset li l-Ġermanja bħala l-pajjiż l-iktar b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea, kellha d-dover li tagħmel dan, jiġifieri li turi li lesta tgħin u li l-Ġermanja huwa pajjiż li jħenn. Min-naħa l-oħra d-deċiżjoni li ħadet tat spinta kbira lil-lemin estrem. Qabel il-lemin estrem fil-Ġermanja kien ewroxettiku, xettiku fuq l-Unjoni Ewropea, xettiku fuq l-ewro.”

Dr Friggieri qal li żewġ deċiżjonijiet li jispikkaw u li juru l-mod kif kienet taħdem Angela Merkel bħala kanċillier kienu l-introduzzjoni tal-paga minima nazzjonali, li fil-Ġermanja daħlet sitt snin ilu, u l-liġi bejn koppji tal-istess sess. Fiż-żewġ każi, il-partit tagħha, tad-Demokratiċi Kristjani, kien kontra. Merkel ħalliet id-dibattitu u l-vot jittieħed fil-parlament, u daħħlet il-liġijiet.

Analisti jgħidu li l-mod li bih taħseb u tieħu d-deċiżjonijiet Merkel ġej mill-fatt li hi xjenzjata, speċjalizzata fil-kimika.

Hi studjat il-fiżika u l-kimika u ġeneralment tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha, anke bħala xjenzjata, fuq il-fatti. Tibbaża fuq il-fatti, mhux fuq l-emozzjonijiet, b’xi eċċezzjonijiet pereżempju l-każ tar-refuġjati ma tantx kellha ċans toqgħod taħseb u tirrifletti fit-tul. Pero hi stess tgħid kultant niġi kritikata għax indum ħafna però nħobb inkun naf kollox, li nqis is-sitwazzjoni sew u mbagħad niddeċiedi. Naħseb huwa l-metodu analitiku li wieħed jitgħallem meta jistudja dawk is-suġġetti.

F’16-il sena kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel baqgħet tgħix f’appartament f’Berlin. Magħrufa wkoll li kemm-il darba tmur tixtri hi, b’dan l-istil ta ħajja għenuha ħafna biex iżżomm il-kuntatt man-nies. Erba’ snin ilu, fi żjara f’Malta wkoll warrbet il-formalitajiet u għall-kolazzjon fittxet ftira minn gabbana fix-xatt tal-Gżira qabel ma ltaqgħet mal-Prim Ministru f’Kastilja.

Għal 9 snin infila, Forbes Magazine ddikjara lil Angela Merkel bħala l-aktar mara influwenti fid-dinja.