Barranin
Il-kantant ta’ Måneskin jgħid li se jagħmel test għad-droga la jasal id-dar

Damiano David, il-kantant ta’ Måneskin qal li se jagħmel test għad-droga minn jeddu la jasal id-dar.

Fi stqarrija, il-European Broadcasting Union, l-EBU, qalet li hija konxja mill-fatt li l-kantant tal-grupp rebbieħi qed jiġi akkużat li ħa d-droga waqt il-finali tal-Eurovision Song Contest ilbieraħ.

L-EBU qalet li l-grupp Måneskin ċaħad li jagħmel użu mid-droga. Żiedet, li l-kantant tal-grupp qal li se jagħmel test għad-droga.

L-EBU qalet li ġiet infurmata mid-delegazzjoni Taljana li ebda droga ma kienet preżenti fil-Green Room fl-arena Ahoy f’Rotterdam ilbieraħ. Id-delegazzjoni Taljana żiedet tgħid li kif qal Damiano f’konferenza tal-aħbarijiet wara l-festival huwa nqabad ibaxxi ħarstu lejn il-mejda għax tkissret tazza u mhux għax kien qed jieħu d-droga.

Intant, il-grupp Taljan Måneskin għadu kif wasal lura l-Italja.