Eurovision
Il-kantant tal-grupp Taljan li rebaħ il-Eurovison ma jinstabx pożittiv għad-droga

Il-European Broadcasting Union (EBU) iddikjarat li l-kantant tal-grupp li rebaħ l-Eurovision ma rriżultax pożittiv għad-droga.

Nhar is-Sibt il-kantant tal-grupp Maneskin, Damiano David, spiċċa f’kontroversja hekk kif deher b’wiċċu mal-mejda u bosta waslu għall-konklużjoni li kien qed jieħu l-kokaina.

Il-kantant ċaħad dan u qal li kien lest joqgħod għal test biex juri li mhux veru ħa d-droga bl-EBU issa ħarġet tgħid li ma rriżultax li kien pożittiv u ddikjarat il-każ bħala wieħed magħluq.

Franza, li ġiet fit-tieni post, qalet li ma kellha ebda intenzjoni titlob li l-Italja titneħħilha r-rebħa.