COVID-19
Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta joffri li s-salarju tiegħu jonqos b’70%

Waqt li l-bdoti u l-cabin crew tal-Airmalta jidhru li għadhom jirreżistu li jaċċettaw paga soċjali flok is-salarji regolari, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, il-Kaptan Clifford Chetcuti offra li jqaċċat 70% tas-salarju tiegħu u ma jiħux il-perkaċi tal-kariga fi sforz biex jintlaħaq ftehim mal-unjons biex jiġu evitati s-sensji.

Il-Ministru responsabbli mil-linja nazzjonali tal-ajru Silvio Schembri appella għall-ġenwinita fiċ-ċirkostanzi meta t-titjiriet tal-Airmalta naqsu minn għoxrin għal tnejn kuljum.

Bil-flotta tal-Airmalta pparkjata fl-ajruport flok tagħmel titjiriet li jinsabu sospiżi, it-turbulanzi fil-kumpanija baqgħu jinħassu xorta. It-tmexxija tal-kumpanija bdiet il-proċeduri mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali biex tnaqqas għadd ta’ bdoti kif ukoll tal-ekwipaġġ tal-kabina wara li baqa’ ma ntlaħaqx ftehim mal-unions tagħhom biex sakemm it-titjiriet jibqgħu sospiżi, jitħallsu l-paga soċjali ta’ €1,200 fix-xahar flok is-salarju maqbul fil-ftehim kollettiv.

Il-President tal-Unjin li tirrapreżenta l-bdoti Dominic Azzopardi qal li lesti jaċċettaw il-paga socjali jekk is-salarju bażiku jekk anke l-gradi maniġerjali inkluż il-Kap Eżekuttiv jaċċettaw il-ħlas ta’ €1,200 fix-xahar. Sa issa kienet biss l-union tal-inġiniera tal-Airmalta li aċċettat il-paga soċjali.

Il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri li huwa responsabbli mill-Air Malta żvela li l-Kap Eżekuttiv Clifford Chetcuti dispost li jagħmel is-sagrifiċċji hu wkoll.

“Il-kumpanija qalet li diġà kien hemm substantial paycuts u hi inaċċetabli li jkun hemm attakk personali fuq is-CEO li talab mhux issa, li jkollu 70% tal-paga tiegħu u l-perkaċċi jitnaqqsu mill-pay tiegħu mhux biex jitlob is-sagrafiċċju.”

Il-Ministru Schembri qal li għalkemm il-Gvern determinat li jassisti l-impjiegi ikun inġust li jberbaq it-taxxi tal-poplu f’pagi għoljin daqs li kieku ma ġara xejn.

It-tmexxija tal-Air Malta qed tippjana li jekk jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim tnaqqas mal-400 impjieg bejn 108 bdot, 139 membru tal-ekwipaġġ u 145 ħaddiem ieħor b’kuntratt fiss li mhux se jiġġedded.

David Bonello f’isem il-Malta Union of Cabin Crew ikkonferma ma’ Television Malta li s-Sibt li ġej mistenni jittieħed vot fost il-membri fuq l-offerta ta’ salarju bażiku sa massimu ta’ €1,200 fix-xahar għal dawk il-ħaddiema b’kuntratt indefinit u salarju pro- rata għall-ħaddiema b’kuntratt definit. Dan il-pakkett soċjali huwa garantit għall-28 ġurnata u jista jiġi estiż fi tmiem il-perjodu.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, il-Gvern Malti ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret…

Enerġija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt…

Stejjer Umani

Imweġġa’ bil-qtil brutali tal-Afro Amerikan George Floyd fl-Istati Uniti u bil-qtil razzista wkoll tal-immigrant Lassana Cisse s-sena li għaddiet, Martina Borg marret fuq il-midja soċjali b’messaġġ emozzjonali kontra r-razziżmu. It-tfajla…

Aktar