Budget
Il-Kap tal-Oppożizzjoni bi kritika għall-politika tal-Gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wieġeb fil-Parlament għad-diskors tal-Baġit. Huwa kkritika diversi aspetti tal-politika tal-Gvern mill-mudell ekonomiku li jaħdem bil-ħaddiema barranin sal-programm taċ-ċittadinanza. Spjega wkoll ix-xewqa tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija li taħdem għan-nies u li l-Maltin ikunu kburin li pajjiżhom li jerġa’ jikseb ir-reputazzjoni li tilef minħabba li l-Prim Ministru ma ħax deċiżjonijiet kurraġjużi li kellu jieħu biex inaddaf isem Malta.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia kkritika l-istqarrija tal-Gvern dwar l-inċidenti taċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far li qal ippruvat iċċekken l-incident meta l-Gvern qed jgħid li fl-irvell ħadu sehem 300 immigrant u ħafna oħrajn ma ħadux sehem fl-irvell.

Dwar il-baġit, qal li naqas li jiddentifika l-isfidi li l-Ministru Scicluna stess semma’ li jeżistu. Dr Delia kompla jikkritika l-mudell ekonomiku tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni ta’ ħaddiema impurtati u minghajr pjan fit-tul. Qal li llum 28% tal-ħaddiema huma barranin u l-Gvern jibqa’ jimmira li jġib aktar barranin għal kull proġett. Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni mhix kontra li jinġiebu ħaddiema barranin l-aktar Ewropej sakemm dawn iġibu esperjenzi u ħiliet ġodda.

Dr Delia qal li qed jiġu aktar ħaddiema li mhumiex mill-Unjoni Ewropea. Dr Delia qal li l-impatt tal-barranin qed jinħass f’kull qasam mill-infrastrutura sas-suq tal-kirjiet. Żied jgħid li l-ħaddiema minn ċerti pajjiżi qed inaqru l-kundizzjonijiet tax-xogħol u qed jaħdmu bil-prekarjat. Huwa qal li l-falliment tal-Gvern jidher meta jgħid li ma jisgurax il-pensjonijiet mingħajr il-ħaddiema barranin. Qal li l-Gvern mhux jinvesti f’ħiliet tal-Maltin u l-baġit ma jsemmi ebda settur ġdid għall-ekonomija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għalkemm l-ekonomija kibret b’aktar minn 5% dan mhux riflessi fil-pagi tal-ħaddiema li qal żdiedu b’wieħed punt wieħed fil-mija. Qal li r-riga tal-ġid m’għandux jitkejjel fuq il-prodott domestiku gross iżda fuq kemm il-poplu jgħix tajjeb. Semma’ li disgħin elf ruħ qed jgħixu fix-xifer tal-faqar. Il-Kelliem kompla jitkellem fuq l-isfidi istituzzjonali, ambjentali u soċjali.

Dr Delia qal li qatt fl-istorja Malta ma kienet f’periklu li tidħol fil-lista s-sewda wara r-rapport tal-Moneyval. Qal li l-Gvern mhux jirrikonoxxi l-problema minħabba deċiżjonijiet ħżiena li qal ikkalpestaw ir-reputazzjoni ta Malta b’dak li sejjaħ ħniżrijiet tal-Gvern. Qal li jekk Malta tidħol fil-lista s-sewda ħadd serju ma jiġi jinvesti f’Malta. Il-Kap Nazzjonalista kkwota siltiet mir-rapport Moneyval li qal juru li l-istituzzjonijiet huma mitlufin biex jiġġieldu l-kriminalità u l-ħasil tal-flus.

Dr Delia qal li meta taħt Gvern Nazzjonalista kien hemm inċident li seta’ għarraq il-fama ta’ Malta fir-reġistru marittimu, il-Gvern Nazzjonalista ħa passi biex illum hawn l-aqwa reġistru marititmu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni sfida lill-Prim Ministru biex jieħu deċiżjonijiet kurraġġjużi biex jiddefendi r-reputazzjoni ta’ Malta billi jwarrab ċerti nies minn maġenbu. Qal li kemm il-Kamra tal-Kummerċ kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC fetħu għajnejn lill-Gvern dwar ir-reputazzjoni tal-pajjiżi li marret lura.

Il-Kap Nazzjonalista qal li ma jridx jagħmel kapitali mid-deċiżjonijiet tal-banek kummerċjali iżda jistenna li l-Gvern jagħti konfort dwar is-settur bankarju. Huwa allega li l-Gvern spiċċa jbigħ passaporti biex imbagħad jaqsam il-commission. Żied jgħid li meta jitkellem dwar il-problemi tas-suċċess, ser ikabbar il-problemi u mhux ser isolvihom.

Dwar il-qrati, Dr Delia qal li l-ħatriet fil-ġudikatura ma sarux fuq il-bażi tal-meritokrazija iżda minħabba l-profil politiku tagħhom. Qal li l-governanza ġusta spiċċat minn Malta u kkritika lill-Avukat Ġenerali li qal flok jiddefendi l-interessi tal-poplu jkun kompliċi ma’ Kastilja bħal fil-każ biex huwa ma jingħatax ir-rapport Egrant. Dr Delia qal li għalkemm il-Parlament ġie newtralizzat deputati ngħataw salarji mill-Gvern biex ma jagħmlux skrutinju tal-Gvern. Qal li din ġiet kritikata mill-Kummissarju tal-Istandards u l-Gvern għadu m’għamel xejn fuq dar-rapport.

Dr Delia qal li minkejja s-surplus l-faqar laħaq id-disgħin elf ruħ, ħafna minnhom anzjani għaliex qal li l-pensjonijiet mhumiex adegwati. Qal li l-Oppożizzjoni lesta taħdem mal-Gvern u ma’ oħrajn biex jinstabu soluzzjonijiet għall-pensjonijiet adegwati u sostinibbli. Dwar il-housing, il-Kap Nazzjonalista qal li l-housing affordabbli skont il-Eurostat sar it-tieni l-akbar uġigħ ta’ ras għall-Maltin. Qal li flok in-nies isiru sidien ta’ darhom, il-Gvern qed jgħid lill-anzjani biex ituh darhom biex ikollhom d-dħul supplimentari għall-pensjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-iskema li l-Gvern jissusidja d-depożitu għax-xiri tad-dar, hija konferma li l-ħaddiem bil-pagi ma jistax jaffordja li jfaddal għad-depożitu biex jixtri daru. Kompla jikkritika n-nuqqas ta’ housing soċjali tant li skont l-aħħar rapport tal-Awtorità tad-Djar sal-2017 kien hemm kważi 4000 jitolbu housing soċjali. Qal li l-Partit Nazzjonalista jiggarantixxi bid-dritt li kull Malti jkollu saqaf fuq rasu. Il-Kelliem qal li l-Gvern ma jimpurtahx li hawn ħaddiema li jgħixu f’kundizzjonijiet inumani u fil-containers u li d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel hija l-ikbar fl-Ewropa. Elenka l-proposti tal-Partit Nazzjonalista biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.

Tkellem dwar id-defiċit fil-qasam tas-saħħa mentali u qal li l-Gvern qed ifalli meta jikkuntenta bix-xogħlijiet fl-isptar Monte Carmeli waqt li faħħar miżuri li tħabbru għal ċertu mard għalkemm li xtaq jara ukoll għajnuna għall-pazjenti tal-Parkinson. Dr Delia kien kritiku għall-ftehim dwar tliet sptarijiet li ngħataw lill-privat mingħajr esperjenza li ħadu 50 miljun ewro fis-sena. Qal li minkejja li daħlu Steward Health Care, l-investiment li kellu isir baqa’ ma sarx. Sejjaħ dal-kuntratt bħala ħadma li serqet lil Malta.

Tkellem dwar l-iskartezza tal-għalliema u l-LSA u rrefera għall-paga ta’ €20,000 għall-ghalliema u €180,000 għall-Kurt Farrugia. Dwar l-ambjent, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li sitt mitt persuna imutu kull sena minħabba t-tniġġiż u ilmenta li l-Gvern mhux jaħdem mal-Oppożizzjoni biex ikun dikjarat stat ta’ emerġenza tal-klima. Appella biex il-Parlament flimkien jiddikjara emerġenza tal-klima.

Sejjaħ bħala falliment, il-politika tal-Gvern dwar il-blockchain. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Għawdxin baqgħu mingħajr fast ferry. Qal li hemm kważi mitt wegħda oħra li ma twettqux, l-akbar fosthom it-trasparenza, l-kontabiltà u l-meritokrazija. Dr Delia semma’ l-biljunarju Ċiniż, u sinjuruni Niġerjani u oħrajn Russi u Iżraeljani li huma akkużati fuq frodi fl-Istati Uniti u fl-Ingilterra u fil-Fillandja li ngħataw il-passaport Malti. Staqsa lill-Prim Ministru jgħid x’investiment għamlu dawn il-persuni f’Malta biex ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija. Irrefera għall-Università Amerikana ta’ Malta li qal kellha ġġib 4,000 studenti u lanqas ġabet 60 student.

Fl-aħħar nett Dr Delia tkellem dwar il-viżjoni ta’ ekonomija li taħdem għan-nies u mhux bil-maqlub, pajjiż li jkollu s-sigurtà u pajjiż li jiġġieled il-korruzzjoni u l-pajjiż li jiġġieled għall-poplu u mhux jaħtaf mingħand il-poplu. Temm jgħid li jrid pajjiż li l-Maltin ikunu kburin bih.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Mark Anthony Sammut, li kien qed jissemma bħala kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, ħabbar li mhuwiex se jikkontesta għal din il-kariga. Fuq Facebook, Mark Anthony Sammut kiteb illi huwa…

Politika

Il-Membru Parlamentari Therese Comodini Cachia ħabbret li mhux se tikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. F’kitba fuq il-mezzi soċjali, Dr Comodini Cachia qalet li filwaqt li tinsab konvinta li l-PN għandu bżonn…

COVID-19

Is-Supretendent għas-Saħħa, il-Professur Charmaine Gauci mistennija tindirizza konferenza stampa dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta fis-13:00. Mil-lum, il-Professur Gauci se tibda mill-ġdid tagħti lill-pubbliku rendikont tal-imxija f’pajjiżna kull nhar ta’ Ġimgħa.

Lokali

Il-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne mistennija jindirizzaw aġġornament tal-aħbarijiet dwar il-laqgħa u r-riżultati miksuba mal-MCESD. L-aġġornament se jixxandar fuq tvm, tvm.com.mt u l-paġna facebook ta’…

Aktar