Lokali
Il-Kap tal-Oppożizzjoni bi żjara ta’ korteżija mal-Arċisqof

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Il-Kap tal-Oppożizzjoni kellu żjara ta’ korteżija mal-Arċisqof Charles J Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi fil-Kurja. F’kummenti wara l-laqgħa Dr Grech qal li għalkemm il-Partit Nazzjonalista hu sekulari, hu jrid li jkollu relazzjoni tajba ma’ kulħadd, anke mal-isqfijiet. Min-naħa tiegħu l-Arċisqof Scicluna qal li r-rwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni hu essenzjali f’demokrazija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech flimkien ma’ martu Anne Marie, kellhom żjara ta’ korteżija mal-Arċisqof Charles J Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi fil-bini tal-Kurja. Fil-bidu tal-laqgħa Monsinjur Scicluna feraħ lil Dr Grech għal din il-kariga l-ġdida tiegħu u enfasizza li r-rwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni hu essenzjali f’demokrazija. Qal li jingħaqad mal-kliem tal-President George Vella li fil-ġurament tal-ħatra ta’ Dr Grech bħala Kap tal-Oppożizzjoni qal li f’dan ir-rwol wieħed irid ikun strument ta’ għaqda, lealtà u vuċi li taħdem għall-ġid komuni.

L-Arċisqof Scicluna awgura li l-Knisja wkoll tibqa’ ta’ servizz għall-ġid komuni. Qal li bħala komunità Nisranija rridu nkunu preżenza ta’ rispett reċiproku, tolleranza u fedelta’ lejn l-evanġelju. L-Arċisqof Scicluna qal li hemm bżonn li ninsew l-maskra li tgħatti wiċċ il-bniedem u nagħrfu li lkoll bnedmin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li laqa’ dan ir-rwol b’responsabbilita’ kbira. Qal li hu rwol li jgħin fit-tisħiħ tad-demokrazija.

“Jien bħala Kap tal-Oppożizzjoni u Kap ta’ Partit li bla dubju hu partit sekulari, però kull individwu għandu l-opinjonijiet u l-fehmiet tiegħu kif ukoll huma espressi fl-istatut. U allura r-rapport tagħna mal-Knisja se jkun rapport ta’ żewġ entitajiet li t-tnejn li huma jridu jaqdu dmirhom skont il-ħtiġijiet ta’ dan il-pajjiż fir-rwoli differenti tagħhom.”

Il-Kap Nazzjonalista qal li jara li f’kulma jgħid u jagħmel jara li jkun ta’ ġid għal ħafna nies, mingħajr ma jinjora l-vuċi tal-minoranza.