Lokali
Il-Kap tal-Oppożizzjoni f’laqgħa maċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir – diskussa s-sitwazzjoni tal-istazzjon nazzjonali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu kellu laqgħa maċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir Frank Farrugia li matulha ddiskuta dak li sejjaħ bħala ksur tal-imparzjalità mill-istazzjon nazzjonali.

Fi tmiem laqgħa, Dr Grech qal lill-ġurnalisti li ppreżenta l-fatti dwar l-iżbilanċ li qal huwa sfaċċat fil-PBS u sostna li l-Awtorità tax-Xandir hija obbligata li tiżgura li l-PBS ikun bilanċjat.

Il-Kap Nazzjonalista sostna li l-poplu Malti jixraqlu jisma’ l-verità kollha u jkollu dritt għall-informazzjoni. Dr Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jieħu kull azzjoni meħtieġa f’dan ir-rigward.

Mistoqsi xi jbiddel fl-istazzjon nazzjonali, Dr Grech wieġeb li wasal iż-żmien li x-xandir pubbliku ma jibqax dipartiment tal-Gvern li jaqa’ direttament taħt Ministru biex fi kliemu ma jkunx ikkontrollat minn Kastilja.

Dr Grech qal li l-Awtorità tax-Xandir m’għandhiex toqgħod tistenna ilmenti, iżda għandha twettaq monitoraġġ ta’ dak li qed jidher fuq l-istazzjon nazzjonali u tintervjeni biex jinżamm il-bilanċ mill-istazzjon nazzjonali.