Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jitlob inkjesta bil-Maġistrat fuq l-allegazzjonijiet li saru dwaru – PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jitlob inkjesta bil-Maġistrat fuq l-allegazzjonijiet li saru dwaru, li qed jimplikaw li hemm firem foloz tiegħu sabiex ikun stabilit jekk hux veru. Dr Muscat qal li dal-Gvern se jkompli bil-bidliet storiċi fosthom biex tikber ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament u biex jitwettqu r-rakkomondazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-suċċess ta’ dan il-Gvern ġej għaliex qatt ma beża’ mill-bidla. Qal li l-Gvern ser jagħmel bidla storika oħra meta ser jifred il-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Dr Muscat qal li din ir-riforma ser isir f’inqas minn mitt ġurnata li ngħata r-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Venezja. Qal li din il-Kummissjoni ma sabet xejn x’tikkritika fil-liġijiet li daħħal dan il-Gvern, iżda kkritikat fuq liġijiet li ilhom snin u li dwarhom il-Gvern Nazzjonalista qatt ma għamel xejn.

F’attività politika f’Marsaskala, il-Prim Ministru qal li s-saltna tad-dritt mhux titkellem fuqha imma tipprattikaha u tkun konsistenti dwarha. Qal li mhux se jikkummenta fuq l-allegazzjonijiet li qed jaffaċċja l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Qal li kieku saru allegazzjonijiet simili fuq xi ħadd minn tal-Gvern, diġà ħarġu n-nies fit-toroq, u għalhekk staqsa jekk sħab Dr Delia, li kienu tant żvelti meta ħarġu rapporti foloz dwaru u dwar familtu, hux se jagħmlu l-istess fuq Dr Delia. Dr Muscat appella lill-Kap Nazzjonalista biex imur għand il-Maġistrat u jpoġġi lilu nnifsu għall-investigazzjoni.

Dwar il-ħatra ta’ President ġdid, il-Prim Ministru innota li din ser tkun it-tielet darba konsekuttiva li l-Parlament se jivvota b’mod sħiħ favur l-persuna nominata. Dr Muscat semma’ rapport internazzjonali li wera li Malta qiegħda fl-ewwel post fid-dinja fil-liġijiet tal-ugwaljanza għal persuni LGBTIQ. Qal li dan il-Gvern issa jaħdem għall-ugwaljanza b’miżuri għal rappreżentanza ta’ aktar nisa fil-Parlament. Qal li mhux se jkun sorpriż bil-kritika ta’ elementi konservattivi li kienu kontra wkoll meta l-Moviment Laburista ħadem biex kull raġel u kull mara ikollhom dritt għall-vot wieħed.

Dr Muscat qal li l-Oppożizzjoni tipprova taqbad ma’ kull tentufa kif għamlet fuq id-defiċit tal-ewwel xahrejn u fuq l-iskema tal-equity release. Stqarr li l-Gvern se jerġa’ jkollu surplus meta jsiru l-kontijiet fl-aħħar tas-sena. Dwar l-equity release, qal li din hija skema volontarja li ser tagħti protezzjoni lill-anzjani li wħud minnhom kien qed ikollhom iċedu darhom biex jiddaħlu fid-djar tal-anzjani.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-ewwel profitti tal-Airmalta u qal li din bħall-Enemalta, ġiet salvata mill-falliment għax il-Gvern ma beżax ibiddel fejn kien hemm bżonn u sostna li dan sar fl-interess tal-ħaddiema stess u tal-pajjiż.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħatar lill-Eks Kummissarju Ewropew Karmenu Vella bħala Konsulent dwar l-Avjazzjoni. Il-Ministru Ian Borg qal li Karmenu Vella għandu esperjenza vasta f’diversi setturi…

Lokali

B’investiment ta’ €4.2 miljun il-korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir bdiet il-proġett ta’ restawr tal-Ġnien tal-Mall fil-Floriana, li jinkludi fih 7,500 metru kwadru ta’ pavimentar ġdid. Il-Ministru għall-Infrastuttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li…

Lokali

Peter, il-kelb tad-Dwana, irnexxielu jaqbad €16,500 flus kontanti mhux iddikjarati fuq passiġġier li kien sejjer Istanbul, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Fi stqarrija, id-Dwana qalet li waqt l-iskrinjar tal-passiġġieri li kienu se…

Annimali

L-għaqda Nature Trust ħabbret li dalgħodu faqqsu 11-il fekruna oħra fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra. Huma faqqsu li l-lejl ta’ qabel kienu diġà faqqsu 62 fekruna, fl-istess bajja. B’hekk issa b’kollox faqqsu 73…

Aktar