Politika
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet drastiċi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li jekk ma tiġix indirizzata d-diskrepanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-Parlament se jkollna nistennew ġenerazzjonijiet biex iktar nisa jidħlu fil-politika.

Il-Kap Nazzjonalista qal li fit-tqassim tat-tilqima kontra l-Covid, hemm każi ta’ nies li ilhom mejta iżjed minn 20 sena u oħrajn li ilhom li emigraw snin twal l-Awstralja u qed jirċievu l-appuntament għat-tilqima. Enfasizza l-bżonn li t-tqassim tat-tilqima ikun iktar mgħaġġel u korrett.

Fi programm fuq NET TV, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech irrefera għall-mekkaniżmu għal rappreżentanza ugwali fil-Parlament u qal li għalkemm jemmen li n-nisa huma kapaċi, jeħtieġ jitkissru l-ostakli biex titwitta t-triq għan-nisa fil-politika. Dr Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-pajjiż irid jindirizza d-defiċit demokratiku fejn deċiżjonijiet isiru mingħajr, jew bi ftit, parteċipazzjoni tan-nisa. Spjega li l-istudji juru li jekk ma jittieħdux passi issa, drastiċi kemm jistgħu jidhru drastiċi, inkella se nkunu nistennew ġenerazzjonijiet biex naraw ir-riżultati.

Dwar ir-riforma fil-prostituzzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-bejgħ ta’ persuna bħala prodott jew oġġett inaqqas mid-dinjita’ ta’ kull persuna. Dr Grech qal li jekk wieħed jaġevola ekonomija ibbażata fuq il-prostituzzjoni jkun qed jgħin fit-traffikar tal-persuni għall-prostituzzjoni. Spjega li l-Partit Nazzjonalista jrid liġi biex persuna tinqala’ mid-diffikultajiet u jekk jista’ jkun ma tidħolx fil-prostituzzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem fuq l-effetti tal-pandemija fuq in-nisa u kkwota riċerka li turi kif fil-maġġoranza huma n-nisa li jerfgħu l-iktar piżijiet. Appella lill-missierijiet biex jinvolvu iktar ruħhom fit-trobbija tal-ulied u appella wkoll lill-ommijiet biex jagħtu l-opportunita’ lill-missierijiet jagħmlu dan. Dwar l-istrateġija tat-tilqim kontra l-coronavirus, Dr Grech qal li ra ittri ta’ nies li ilhom li emigraw lejn l-Awstralja 20 sena, u qraba ta’ nies li ilhom mejta iżjed minn 20 sena u dawn ingħataw appuntamenti biex imorru fiċ-ċentri tas-saħħa għat-tilqima. Enfasizza li hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed tirsisti li l-proċess ta’ tqassim tat-tilqima ikun iktar mgħaġġel u korrett. Sostna li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tistax tħalli lill-Gvern jibqa’ jidħaq bin-nies u li ħadd m’għandu jaqbeż lil ħadd meta jieħu t-tilqima.

Dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, il-Kap Nazzjonalista qal li dan hu meħtieġ kemm għan-nisa u wkoll għal-irġiel. Sostna li s-settur privat kien fuq quddiem biex waqqaf strutturi ta’ xogħol mid-dar, flessibilita’ fil-ħinijiet, u qal li dawn il-metodi għandhom jiġu premjati. Bernard Grech qal li l-mara hi indispensabbli fis-soċjeta’. Stieden lin-nisa jagħmlu l-pass u jidħlu fil-ħajja pubblika fejn qal se jsibu lill-Partit Nazzjonalista warajhom.