Politika
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-Gvern m’għadux leġittimu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li l-Prim Ministru u l-gvern tilef il-leġittimità meta l-Prim Ministru ddefenda liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, wara li dan irtira libell li fih kellu jiddefendi ruħu mill-akkużi ta’ korruzzjoni. Dr Delia qal li b’hekk Schembri ammetta li hu korrott, iżda qal li dan qed iġib ruħu ‘l fuq mil-liġi għax huwa l-id l-leminija tal-Prim Ministru.

Adrian Delia qal b’dak li ġara fil-Qorti, meta ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri waqqa’ l-libell kontra Simon Busuttil għax ma riedx iwieġeb domandi li sarulu, għalih ifissru li is-Sur Schembri huwa korrott u allega li ħasel il-flus bi ksur ta’ liġi.

F’attività politika f’Tas-Sliema, Dr Delia qal li meta l-Prim Ministru Joseph Muscat iddefenda lil Keith Schembri huwa tilef il-leġittimità tiegħu, għax din ma għadhiex storja dwar persuna waħda, iżda saret tal-Gvern. Huwa staqsa min qed imexxi jekk hux Keith Schembri jew Joseph Muscat, u ghala l-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendih. Qal li dan forsi għax jaf xi ħaġa fuq il-Prim Ministru. Dr Delia qal li bid-deċiżjoni tiegħu Schembri wera li Simon Busuttil kellu raġun.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-korruzzjoni qed iħallas għaliha l-poplu, u semma l-kuntratt tat-tliet sptarijiet li ser jiswa lill-poplu €200 miljun. Qal li fl-2013 il-poplu ħareġ bejn €20 u €30 miljun biex jingħata l-kura mill-isptarijiet San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, iżda din is-sena ħallas €80 miljun aktar mingħajr ma sar ebda investiment u lanqas tjieb is-servizz għan-nies.

Dr Delia qal li hemm €60 miljun li ħadd ma jaf fejn marru, bil-possibiltà li l-persuna li ħadithom ħarbet mill-pajjiż. Qal li xi ħadd irid jagħti rendikont lill-poplu fejn marru dawn il-flus.

Il-Kap Nazzjonalista tkellem ukoll dwar rapport tal-Bank Ċentrali, li juri li d-differenza bejn is-sinjuri u oħrajn fil-pajjiż qatt ma kienet daqshekk kbira. Qal li ħafna żgħażagħ ma jistgħux ilaħħqu biex ikollhom saqaf fuq rashom. Qal li r-rapport tal-Bank Ċentrali qed jgħid kontra dak li qal Dr Muscat; li l-Maltin ser isiru sinjuri żgħar.

Dr Delia qal li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tal-Gvern hija wkoll ġlieda favur il-libertà u d-demokrazija, li skont Dr Delia reġgħu jinsabu mhedda. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-pajjiż jinsab fi stadju fejn dak li akkwista ser jitilfu, għax hemm liġi għall-allat u liġi ohra għall-poplu. Iddikjara li l-Partit Nazzjonalista ser jiddefendi l-libertà u d-demokrazija kontra dik li sejjaħ arroganza tal-Gvern li l-pajjiz qatt ma ra bħalha.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-lunetta ta’ San Franġisk li hija parti mill-fortikazzjonijiet tal-Furjana li jħarsu lejn il-Port il-Kbir treġġgħet lura għall-istat oriġinali tagħha wara xogħol estensiv mid-direttorat tar-restawr fi ħdan il-ministeru tal-ġustizzja. Il-fortifikazzjonijiet jagħmlu…

Lokali

Lejlet laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, l-Għaqda Repubblika f’ittra lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, talbietu biex ma jħallix lill-Prim Ministru Joseph Muscat jattendi dan is-summit. Qalet li s-sehem tiegħu fil-Kunsill…

Lokali

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet Ordni ta’ Konservazzjoni u Avviż ta’ Protezzjoni fil-Mensija, limiti ta’ San Ġwann li tinkludi s-sit ta’ applikazzjoni għall-iżvilupp propost bin-numru PA / 04214/19.  Din…

Aktar