Politika
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-Gvern m’għandux viżjoni fit-tul

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ikkritika lill-Gvern li qal m’għandux viżjoni fit-tul u għadu jħaddan strateġija ta’ issa għal issa. Qal li l-Oppożizzjoni għandha obbligu li fejn hemm bżonn jitjieb tiftaħ għajnejn il-Gvern.

Dr Grech qal li fil-Parlament se jirreġixxi għall-budget billi juri lill-Gvern kif jista’ jkollu pjani serji, kredibbli u li jagħtu lill-pajjiż tama.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li l-Partit Laburista jara sal-ponta ta’ mnieħru u bbaża l-istrateġija ekonomika tiegħu fuq il-kostruzzjoni, il-konsum u n-numri.

F’diskussjoni fuq l-istazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista, Dr Grech qal li din l-istrateġija ma fallietx minħabba l-pandemija għax ċifri tas-sena l-oħra juru li diġà kienet bdiet tonqos in-nefqa u l-introjtu tal-gvern, waqt li qal kienu bdew jiżdiedu l-persuni qiegħda. Fi kliemu l-pandemija splodiet aktar il-problema.

B’reazzjoni għal min qal li r-reazzjoni inizjali tal-Partit Nazzjonalista għall-budget kienet negattiva wisq, Dr Grech ġibed l-attenzjoni li l-Oppożizzjoni għandha responsabilità li tirrappreżenta l-opinjoni ta’ kulħadd u mhux biss ta’ sezzjoni jew oħra. Qal li jrid jispiċċa l-fsied żejjed li lill-politiċi rridu ngħidulhom grazzi tat-tajjeb li jagħmlu għax fi kliemu dak hu dmirhom. Dr Grech qal li m’għadux iż-żmien li wieħed jindirizza biss id-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija, imma jeħtieġ li wieħed iħares fit-tul.

Il-Kap Nazzjonalista qal li fl-ewwel xhur tal-pandemija ħadd u lanqas l-Oppożizzjoni ma ppretendiet li l-Gvern dakinhar kellu jkollu pjan fit-tul, imma qal li malli bdiet tittaffa l-ewwel mewġa, kieku l-Gvern kien għaqli u matur, kien fiċ-ċans li jħejji budget b’viżjoni fit-tul. Dr Grech qal li dan ma seħħx u l-gvern ħalla lin-nies dipendenti fuq il-ħuta. Qal li fl-ewwel xhur il-Gvern ta lin-nies il-ħuta permezz ta’ vouchers u numru ta’ miżuri ta’ malajr li għal dak iż-żmien kienu aċċettabbli, imma issa reġa’ tahom il-ħuta imma mingħajr mhu jaħsbilhom ukoll kif fix-xhur li ġejjin jagħtihom il-qasba wkoll.

Żied jgħid li l-Gvern qal li se jissellef żewġ biljun ewro biex fost oħrajn jagħti l-vouchers u staqsa jekk dawn il-bljuni hux se jintużaw verament għal pjan fit-tul.