Politika
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-PM għandu x’jaħbi dwar Egrant

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jridx jippubblika r-rapport sħiħ dwar Egrant għax għandu x’jaħbi.

F’attività politika f’Birkirkara, Dr Delia żied jgħid li fir-rapport hemm kliem u fatti li ma jgħoddux għall-Gvern, li sejjaħlu korrott. Il-Kap Nazzjonalista akkuża lill-Gvern b’arroganza għax ma jridx li n-nies ikunu jafu x’fih ir-rapport.

Dr Delia qal li s-Soċjalisti Ewropej iridu jneħħu d-dritt ta’ Malta li tiddeċiedi hi r-rata tat-taxxa. Spjega li l-kandidat tas-Soċjalisti għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, irid taxxa komuni ta’ 18% mal-Ewropa kollha. Dr Delia wiegħed li l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista se jiġġieldu sal-aħħar biex jikkonvinċu lill-Parlament Ewropew li din il-proposta se tkisser is-settur tas-servizzi finanzjarji.

Dr Delia qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern ħoloq niċeċ ekonomiċi ġodda, fosthom tal-avjazzjoni u tal-gaming. Sostna iżda li l-Gvern qed jipperikolahom bl-aġir tiegħu, għax qal li l-Gvern ikkalpesta r-reputazzjoni ta’ Malta. Il-Kap Nazzjonalista qal li b’hekk, Malta qed tirriskja li fi kliemu ssir tax haven u black haven, bil-konsegwenza li l-investituri jitnaffru minn pajjiżna.

Dr Delia rrefera għad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru dwar il-ħaddiema tal-Gvern. Staqsa fejn hu s-surplus, meta qal li fl-istess nifs, Dr Muscat qed jgħid li l-ħaddiema tal-Gvern jiskartaw u jsibu impjieg ieħor fuq bażi part-time. Hu spjega li b’din id-dikjarazzjoni, il-Gvern ammetta li l-ħaddiema tal-Gvern mhux imħallsin tajjeb.

Dwar l-abort, Dr Delia sostna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ vuċi waħda jitkellem kontrih. Tenna l-istedina għal dibattitu ma’ Dr Muscat fuq l-istazzjon nazzjonali biex jitkellem għat-tarbija fil-ġuf li m’għandhiex vuċi. Dwar il-ġlieda kontra l-kanċer, Dr Delia appella biex il-pajjiż iwarrab il-politika partiġġjana u jingħaqad biex jegħleb din il-marda.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

L-imxija tal-Coronavirus kompliet tinfirex f’diversi pajjiżi fl-Ewropa, waqt li l-Italja l-iktar li għandha każi fl-Ewropa tidher li dieħla f’riċessjoni minħabba c-coronavirus. L-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin għal darb’oħra kkonferma li s’issa m’hawn…

Qorti

L-eks Direttur Ġenerali tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, Andre Camilleri qal li l-bank Pilatus ingħata l-liċenzja qabel irtira hu mill-Awtorità fl-2014 u ma kien hemm l-ebda raġuni għaliex il-bank ma kellux…

Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Gvern jikkumpensa €20,000 lill-koppja Cachia minn Tas-Sliema wara li nkiser id-dritt tagħhom li jgawdu l-proprjetà b’valur potenzjali ta’ €700,000 minħabba liġijiet antiki tal-kera li minħabba fihom id-dar…

Aktar