Politika
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-PN qed joffri paġna ġdida għall-pajjiż

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li l-Partit Nazzjonalista qed joffri paġna ġdida għal pajjiżna billi, fost affarijiet oħra, qed jisma’ lin-nies li qed ibatu u qed jitkellem fuq id-diffikultajiet tagħhom. Dwar il-kirjiet ta’ qabel l-1995, Dr Grech qal li ħadd m’hu se jmiss id-dritt li kien ingħata lis-sidien li qabel ma setgħux igawdu l-propjetà tagħhom, imma tenna li din hi bomba soċjali tal-ħin u ħafna nies se jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Intervistat fuq Radju 103 mill-Professur Andrew Azzopardi, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Nazzjonalista lest li jdawwar il-paġna u qed joffri l-opportunità lill-poplu biex idawwar il-paġna miegħu. Qal li jagħraf li fl-aħħar seba’ snin ta’ Gvern Laburista l-ekonomija mxiet ‘il quddiem, imma qal li ma mxietx ‘il quddiem għal kulħadd. Sostna li l-persuni f’riskju ta’ faqar dejjem qegħdin jiżdiedu.

Dr Grech qal li l-Gvern qed jinjora għal kollox il-kirjiet ta’ qabel l-1995. Dr Grech qal li ħadd m’hu se jmiss id-dritt li kien ingħata lis-sidien li qabel ma setgħux igawdu l-propjeta’ tagħhom, imma tenna li din hi bomba soċjali tal-ħin u ħafna nies se jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Mistoqsi dwar is-sentenza ta’ Jean Marc Dalli li nqatgħet iktar kmieni din il-ġimgħa, Dr Grech qal li mill-ewwel ta direzzjoni li bl-ebda mod ma kellu jittieħed vantaġġ politiku minn din l-istorja. Semma esperjenza personali li ġratlu f’Marzu tal-2004, meta qal li kien involut f’inċident tat-traffiku fejn tajjar tfajla ta’ 18-il sena. Qal li l-għada, minkejja li ma kienx għadu fil-politika, gazzetta li xxaqleb lejn partit politiku irrappurtat l-aħbar billi qalet li ‘Avukat tajjar tfajla’. Rigward il-każ taż-żagħżugħ, Dr Grech appella biex fil-Parlament il-Membri Parlamentari jindirizzaw problemi serji li hemm fil-qasam tal-familja.

Mistoqsi dwar id-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli, Dr Grech qal li jekk ikun Prim Ministru ma jħallihx f’dik il-kariga. Qal li l-plakka mwaħħla fil-ħabs mhux biss tfisser abbuż sfaċċat minn bniedem, imma attakk fuq il-ġudikatura, l-avukati u l-pulizija.

Dwar l-immigrazzjoni, il-Kap Nazzjonalista qal li bħala poplu li għandu ruħ ma nistgħux inħallu lin-nies jegħrqu, imma qal li hemm bżonn li wieħed iżomm f’moħħu l-obbligi lejn il-Maltin u min jgħix Malta. Dr Grech qal li l-Gvern irid jindirizza l-problema mis-sors u jagħmel pressjoni fl-Unjoni Ewropea sabiex l-immigranti ma jkollhomx għalxiex jitilqu. Kompla jgħid li fil-qasam tal-immigrazzjoni minn pajjiżi mhux Afrikani, il-Gvern kien kontributur ewlieni għall-problema tal-immigrazzjoni, u sostna li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, li qabel kien promutur ta’ din il-politika, issa jrid ibiddel il-politika tiegħu.