Budget
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jikkritika lill-Gvern li hu bla viżjoni u pjan ekonomiku fit-tul

Fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wieġeb għad-diskors tal-Budget. Huwa kkritika l-mudell ekonomiku tal-Gvern li qed iżid il-popolazzjoni mingħajr viżjoni u pjan fit-tul. Huwa sejjaħ il-Budget bħala eżerċizzju ta’ propoganda waqt li akkuża lill-Gvern li tarrax il-kuxjenza soċjali tiegħu. Dr Delia qal li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija għal ekonomija li tpoġġi l-ewwel lin-nies.

Budget bla viżjoni u bla pjan – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppozizzjoni qal li d-difett tal-Budget huwa li m’għandux viżjoni u lanqas pjan. Qal li d-diskors tiegħu jirrifletti dak li qed iħossu n-nies, fosthom l-għoli tal-ħajja u tal-kirjiet. Qal li l-problemi tal-pajjiż ġabhom il-Gvern b’idejh għax m’għandux pjan. Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni mhix kontra l-ħaddiema barranin iżda trid li dawn jinġiebu b’mod intelliġenti biex ma jinħolqux problemi fosthom tal-kirjiet, u pagi baxxi. Huwa qal li l-Gvern mhux kredibbli wkoll għax fost oħrajn kien hemm nefqa li marret żmerċ b’€50 miljun.

Dr Delia qal li dal-Gvern m’għadux tal-ħaddiema waqt li kkritika konsulenzi ta’ nies qrib il-Gvern li qal qed jitħallsu b’eluf kbar. Żied jgħid li l-Gvern fil-Budget tkellem fuq is-surplus tiegħu u fuq dak li sejjaħ l-loqom li ta, iżda mhux fuq d-defiċit soċjali u fuq il-problema ta’ reputazzjoni li qed taffettwa l-banek. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li s-suċċess ekonomiku tal-pajjiż sar bis-saħħa tal-Gvernijiet Nazzjonalisti li fethu l-ekonomija u ġabu fondi Ewropej kif ukoll tal-kumpaniji li ġġeneraw il-ġid.

Dr Delia qal l-kejl ekonomiku ma jitkejjelx mil-prodott domestiku biss waqt li fisser li ċ-ċifri tat-total ma jirrapreżentawx lil kulħadd, għaliex ftit sejrin tajjeb u ħafna jridu jistinkaw biex ilaħħqu mal-ħajja u biex ikollhom dar. Huwa kkriitka l-mudell tal-Gvern għall-pajjiż kożmopolitan u żied jgħid li l-Gvern qatt ma għamel studju dwar l-effetti taż-żieda mhux naturali fil-popolazzjoni ta’ 44,000 ruh f’erba’ snin. Qal li l-ekonomija kibret biż-żieda fil-popolazzjoni u mhux bil-flus li deħlin fil-bwiet tan-nies. Huwa kkritika dak li sejjaħ l-isfruttament ta’ ħaddiema barranin li qal jaffettwa wkoll il-ħaddiem Malti. Dr Delia qal li l-ħaddiem spiċċa sagrifikat minħabba l-politika tal-immigrazzjoni tal-Gvern.

L-Oppożizzjoni hi kontra immigrazzjoni rħisa – Dr Delia

Il-kelliem qal li l-Partit Nazzjonalista fetaħ il-fruntieri għall-ħaddiema mill-Unjoni Ewropea. Qal li l-Oppożizzjoni hija kontra immigrazzjoni irħisa b’pagi baxxi u hija favur immigrazzjoni b’valur miżjud li tgħolli l-livell tal-ħaddiem Malti. Dr Delia qal li l-mudell tal-Gvern fil-qasam tal-immgirazzjoni mhux sostenibbli għax il-pajjiż ma jiflaħx aktar nies għax diġà huwa l-aktar pajjiż iffullat fl-Unjoni Ewropea. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li biż-żieda fil-popolazzjoni qed toħloq pressjoni kbira li qed taffettwa ħażin l-kwalità tal-ħajja fl-oqsma kollha.

Tkellem ukoll dwar il-biedja li qal miċ-cifri stess jidher li sejra lura bid-dħul tal-bdiewa f’erba’ snin naqas b’14%. Dwar l-ambjent, Dr Delia qal li l-pajjiż spiċċa jirriċikla 7% inqas milli kien jirriċikla fl-2011. Qal li Malta hija l-aħħar fl-Ewropa f’dan il-qasam u semma d-diskors tar-Rettur tal-Università li fil-ftuħ tas-sena akkademika tkellem fuq il-problemi ambjentali fosthom l-iskart, iż-żieda fit-tniġġiż tal-arja u l-iskarsezza tal-ilma. Ikkritika lill-Gvern għax ma ħasibx għall-akkomodazzjoni soċjali waqt li tenna l-wegħda li taħt Gvern Nazzjonalista kulħadd ikollu saqaf fuq rasu.

Dwar il-White Paper tas-Suq tal-Kera qal li din ma toffri l-ebda soluzzjoni effettiva. Dr Delia qal li fis-suq tad-djar il-Gvern jinsab f’paniku u ħareġ b’idea mingħajr dettalji. Il-kelliem qal li diversi proposti tal-Budget huma riċiklati mill-Budget tas-sena l-oħra li baqgħu ma sarux.

X’qal dwar it-trasport u t-toroq il-Kap tal-Oppożizzjoni?

Qal li ż-żieda fil-karozzi hija xhieda ta’ nuqqas ta’ fiduċja fit-trasport pubbliku. Dr Delia qal li l-proġett tat-toroq tal-Kappara u tal-Marsa saru bil-fondi li ġab Gvern Nazzjonalista. Qal li fil-qasam tat-trasport, il-Budget ma joffri l-ebda pjan għal sistema ta’ trasport tal-massa. Dr Delia qal l-Gvern kuntent li jiżdiedu l-karozzi għax idaħħal €16-il miljun aktar f’taxxi minn fuqhom. Huwa qal li tal-linja card b’xejn għandha tingħata liż-żgħażagħ kollha sa 25 sena.

Dwar il-qasam tas-saħħa, Dr Delia qal li hemm lista ta’ 63,000 persuna b’medja ta’ 8 xhur għal appuntament mediku. Kompla jikkritika l-ftehim ma’ Vitals dwar l-isptarijiet. Dr Delia qal li l-wegħda ta’ sptar għas-saħħa mentali ilha tiġi ripetuta 6 snin u qal li l-Gvern naqqas is-servizz ta’ crises intervention.

Dwar l-edukazzjoni qal li x-xogħol fuq l-iskejjel ġodda waqa’ lura fl-istess waqt li Malta għandha t-tieni l-agħar rata ta’ studenti li jżarmaw kmieni mill-edukazzjoni. Qal li l-Budget ma fih xejn fuq dan.

Dr Delia jakkuża lill-Gvern li l-Budget huwa eżerċizzju ta’ propoganda

Dr Delia ikkriitka li għadd kbir ta’ għases għadhom magħluqin speċjalment f’Għawdex. Sejjaħ l-investiment tal-Gvern fil-Pulizija bħala miżeru. Il-kelliem akkuża lill-Gvern li l-Budget huwa eżerċizzju ta’ propoganda u t-taxxi idaħħalhom matul is-sena flimkien mal-għoli tal-ħajja li qal hija aktar minn 4%. Qal li ż-żieda tal-ħaddiema u tal-pensjonanti mhix biżżejjed u din diġà ttieħdet miż-żieda fil-prezz tal-ħobż, tal-ħalib u tal-petrol. Dr Delia ddeskriva l-Budget bħala wieħed xott għall-persuni vulnerabbli għax qal li l-Gvern tarrax il-kuxjenza soċjali tiegħu.

Huwa qal li hemm mod kif l-ekonomija tikber mingħajr ma tgħarraq ir-reputazzjoni tal-banek u ta’ Malta. Qal li ġieħ Malta twaqqa’ tant li tpoġġiet fil-lista sewda tal-OECD li qal ċanfret lil pajjizna minħabba l-programm taċ-ċittadinanza. Qal li donnu li l-Gvern fehem li dal-programm mhux sostinibbli.

Dr Delia qal li fl-Irlanda l-ekonomija kibret aktar minn ta’ Malta iżda fl-Irlanda fejn m’hemmx nies qrib il-Prim Ministru li fetħu kontijiet sigrieti. Il-Kap tal-Oppożizzjoni wera skantament kif il-Ministru tal-Finanzi baqa’ ċass u m’għamel xejn għal ġieħ ta’ Malta u biex jiddefendi s-servizzi finanzjarji. Dr Delia qal li huwa ta’ għajb li wara l-iskandlu tal-Panama Papers, ma ttieħdux passi. Sejjaħ dan bħala inċest istituzzjonali bl-awtoritajiet kollha kontrollati minn Kastilja li qal saru qishom każin tal-Gvern.

Il-viżjoni ekonomija tal-PN

Dr Delia tkellem dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista b’ekonomija li tpoġġi l-ewwel in-nies u li tikber bis-sehem ta’ kulħadd u kulħadd jieħu sehmu minnha. Qal li qabel il-Budget, il-PN ghamel 50 proposta li jmissu l-oqsma tas-sigurtà, l-infrastruttura, l-oqsma soċjali, n-negozji, l-ambjent u tisħiħ tal-istituzzjonijiet. Dan qal biex Malta ikollha soċjetà li jimpurtaha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, qal li bil-Budget, il-Gvern mhux jirnexxielu jsolvi l-problemi li qed joħloq huwa stess.

F’konferenza tal-aħbarjiet Dr Delia qal li l-mudell ekonomiku li qed jadotta l-Gvern qed ipoġġi lill-ħaddiema f’morsa, bi prezzijiet li jibqgħu jogħlew u pagi li jibqgħu l-istess.

Huwa qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jitwemmen għax numru ta’ wegħdi li għamel ma wettaqhomx, oħrajn li warrabhom u f’sitwazzjonijiet oħra mar żmerċ fin-nefqiet li pproġetta b’€50 miljun fis-sena.