Politika
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jiltaqa’ mal-Kunsill Studenti Universitarji

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, iltaqa’ mal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) fl-Università, u enfasizza fuq l-importanza li għandha tingħata lis-saħħa mentali.

Waqt li rrefera għal stħarriġ li ġie ppubblikat riċentement u li wera li l-istudenti universitarji qed jintlaqtu ħażin fis-saħħa mentali tagħhom minħabba l-imxija tal-Covid, Dr Grech qal li s-soċjetà trid tikkumbatti din is-sitwazzjoni. Qal li l-istudji qed juru li anke tfal fl-etajiet ta’ tmienja u disa’ snin qed ibatu mill-ansjetà, li qal tnaqqas ħafna mill-kwalità tal-ħajja.

Il-Kap Nazzjonalista ħeġġeġ lill-istudenti biex jagħmlu kuraġġ u jqawwu qalbhom għax qal l-esperjenzi li ngħaddu minnhom isaħħuna.

Sostna li bħala pajjiż hemm bżonn li jkun hemm servizzi iżjed aċċessibbli għall-familji, anzjani u partikolarment iż-żgħażagħ biex tkun indirizzata s-saħħa mentali. Qal li dawn iż-żgħażagħ se jkunu l-ġenerazzjoni li f’dak li kellu jkun l-isbaħ żmien ta’ ħajjithom daqu l-iebes. Dr Grech qal li għandu fiduċja kbira li dawn il-ġenerazzjonijiet se jkunu mexxejja, u mhux biss politiċi imma f’kull qasam tal-ħajja, aħjar.

Il-President tal-KSU, Matthew Xuereb, qal li l-istħarriġ wera biċ-ċar li l-pandemija ħalliet impatt ħażin fuq l-istudenti u sostna li l-iżolament wassal għal solitudni u qtiegħ ta’ qalb.