Lokali
It-3 sptarjiet: Delia jmur il-Qorti u l-PL jallega bi tnaffir tal-investiment

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia ppreżenta kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali, l-Awtorità tal-Artijiet, il-Malta Industrial Parks u l-Vitals Global Healthcare biex il-kuntratt bejn il-Gvern u l-VGH iffirmat sentejn ilu għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet – San Luqa, Karen Grech u t’Għawdex – jiġi annullat u l-isptarijiet jergħu lura f’idejn il-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia qal li l-kawża fil-Qorti kontra l-Gvern u l-VGH infetħet bil-għan ewlieni li t-tliet sptarijiet pubbliċi jerġgħu lura għand il-poplu.

Fuq l-għatba tal-Qorti, Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista kien diga ressaq protest ġudizzjarju biex jiġbed l-attenzjoni tal-Gvern dwar it-tmexxija tat-tliet sptarijiet u min huma s-sidien tal-Vitals Global Healthcare li f’Marzu tal-2016 iffirmat kuntratt biex ghal 30 sena tieħu f’idejha t-tmexxija tal-isptarijiet Karen Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-mistoqsijiet li saru fil-Parlament u barra baqghu ma gewx imwiegba/ Dr Delia argumenta li l-Gvern ta l-miljuni lil VGH u l-poplu Malti għadu ma ħa xejn lura.

Adrian Delia qal li “aħna nemmnu li dan hu l-iktar kuntratt skandaluż li qatt sar, nemmnu b’konvinzjoni illi l-Gvern qatt ma setgħa daħal f’dan it-tip ta’ kuntratt u li dan il-kuntratt mill-bidu tiegħu kien magħmul biex ifalli u ma’ nies li konna nafu li mhux se jaslu”.

Dr Delia qal li kif il-Gvern ra li VGH ma kenitx se tonora l-obbligi, flok ħa lura l-isptarijiet tahom ċans jgħaddu t-tliet sptarijiet lil ħaddieħor.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bħala membru parlamentari, hu għandu l-opportunità jiddefendi proprjetà pubblika u għalhekk beda proċess legali biex l-isptarijiet ma jibqgħux jitmexxew mill-privat u issa se jħalli f’idejn il-Qorti biex issir ġustizzja.

Reazzjoni Gvern:

B’reazzjoni, il-Gvern qal fi stqarrija li se jkun qed jipproteġi l-interessi tal-pazjenti u tal-poplu kollu fil-fora kollha. Żied jgħid li l-azzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni hi intiża biss biex tipprova ttellef lill-pazjenti mill-aqwa infrastruttura ta’ livell dinji fl-isptarijiet ta’ Għawdex, San Luqa u Karin Grech mil-kumpanija Amerikana Steward Healthcare. Żied jgħid li l-attakk tal-Kap tal-Oppożizzjoni huwa wkoll kontra l-investiment barrani.

Reazzjoni Partit Laburista

B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li Dr Delia, baqa’ għaddej bl-istess tattika bħal ta’ qablu li jipprova jgerrex l-investiment. Qal li Dr Delia jekk talbilħaqq jemmen f’mod ġdid għandu jinqata’ mill-istess tattiċi li ma wasslu mkien lill-Partit Nazzjonalista. Skont il-Partit Laburista, Dr Delia li kellu imur l-qorti filghodu spiċċa għadda l-għodwa jissielet mal-grupp parlamentari tiegħu.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

B’digriet ta’ Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna, il-Knisja Parrokkjali Matriċi ta’ Stella Maris ġiet mgħollija għad-dinijtà ta’ Knisja Arċipretali. Hekk, il-kappillan tal-Parroċċa, fil-preżent Mons. Anton Portelli, jkollu wkoll it-titlu ta’…

Lokali

Xena mill-isbaħ tal-bajja ta’ Mġarr ix-Xini kif probabbli qatt ma rajtha. Dan ir-ritratt, li ttieħed mill-astronomu Joseph Caruana, jagħtina ħjiel tal-ġmiel naturali li kienu jgawdu missirijietna, u li llum sfortunatament…

Lokali

Fl-1 ta’ Lulju, fil-pjazza ewlenija tal-Qala, l-Għaqda Briju San Ġużepp b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex se jorganizza l-‘Festa Għawdxija’. Dan l-avveniment se jsir proprju meta l-istaġun tal-festi f’pajjiżna jkun fl-aqwa tiegħu….

Lokali

Raġel mgħammad u armat b’sikkina seraq €100 flus kontanti minn ħanut tal-merċa f’Ħal Tarxien. Il-każ seħħ fi Triq Karlu Maratta għall-ħabta tan-nofsiegħa. Ir-raġel talab lill-kaxxiera biex tagħtih il-flus kollha, kif…

Aktar