Lokali
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jipproponi bosta inizjattivi intiżi li jbiddlu l-pajjiż f’wieħed san b’ekonomija li taħdem għan-nies

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li bi Gvern Nazzjonalista ssir bidla b’viżjoni u l-pajjiż jinbidel f’wieħed san b’ekonomija li taħdem għan-nies. Dr Grech qal li l-viżjoni tal-Oppożizzjoni hi li kulħadd fil-pajjiż ikollu iktar ħin għalih mal-familja, kulħadd jgħix f’ambjent isbaħ u mhux pajjiż fgat u mifni traffiku u bini bla pjan, u li jkollna pajjiż li jgħin lil dak li jkun jirnexxi f’kull ambizzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan kien budget tal-lum biss. Staqsa kif dan il-budget se jgħin liż-żgħażagħ isibu xogħol diċenti wara li jlestu mill-MCAST; kif se jgħin lill-anzjani jlaħħqu mal-ħajja, max-xirja li qal diġà għoliet b’3 ewro kuljum, kif se jgħin lill-pajjiż joħroġ mil-lista l-griża.

Bernard Grech qal li fil-budget l-Gvern ma semma xejn fuq l-AirMalta. Qal li l-budget ħeba wkoll il-€1.3 biljun dejn li mhux ġej mill-pandemija imma mit-tmexxija ħażina, mid-direct orders u l-kuntratti vvizjati li qal għamel il-Gvern mal-Vitals u l-Electrogas. Dr Grech qal li għas-sena d-dieħla l-Gvern qed jippjana li jdaħħal terz aktar VAT milli daħħal fl-aħjar żminijiet qabel il-pandemija. Qal li jew il-Gvern qed jippjana li jżid il-VAT u ma qalx, jew qed jitlob għal miraklu ekonomiku.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li wara li l-Gvern kien iddikjara li Malta se ssir blockchain island, applikaw 19-il kumpanija għal-liċenzja li tħallew imdendlin. Bernard Grech qal li għalkemm il-Gvern kien qal li Malta trid issir l-ewwel pajjiż fl-Ewropa bil-karozzi kollha jaħdmu bl-elettriku, il-200 charging stations li wiegħed għadhom lanqas ġew installati. Kompla jgħid li waqt li l-gvern isostni li l-istituzzjoniiet qed jaħdmu, inkjesta indipendenti qalet li l-kabinett kollu għandu responsabbilità kollettiva li ħolqot stat ta’ impunità li wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Bernard Grech qal li l-Partit Laburista ma jippermettix xandir ħieles u sostna li l-PBS hu pupazz tal-gvern.

Qal li l-budget alternattiv ta’ Gvern Nazzjonalista jibda billi jara li t-tfal f’Malta ma jitgħabbewx bid-dejn li l-pajjiż qed iżid illum. Fost il-miżuri li l-Oppożizzjoni tqis bħala pożittivi fil-budget hemm it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-part time, il-miżuri dwar il-propjetà, mediċini b’xejn għall-IVF. Qal li dawn huma miżuri li l-Oppożizzjoni ilha ssemmi.

Dwar l-edukazzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li anke dwar iż-żidiet fl-istipendji fl-aħħar il-Gvern laqa’ l-proposta tal-Oppożizzjoni. Grech qal li iktar minn hekk Gvern Nazzjonalista jżid l-istipendji tal-professjonisti l-aktar meħtieġa – infermiera, għalliema, ħaddiema soċjali, care workers u diversi oħrajn b’25 fil-mija biex jiġu attirati dawn il-professjonisti. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jżid b’mod sostanzjali l-pagi tal-għalliema.

Proposta oħra tal-Partit Nazzjonalista hi ż-żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena jingħataw voucher speċjali tal-ivvjaġġar biex jagħmlu vjaġġ fl-Ewropa b’element kulturali, ta’ snajja’, edukattiv jew sportiv.

Dwar it-trasport, Bernard Grech qal li f’dan il-budget lanqas 20 ewro m’huma ddedikati biex tibda titwettaq il-proposta tal-metro. Qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li jkun hawn trasport pubbliku b’xejn imma li dan jibda mingħajr dewmien, minn Jannar u mhux pospost għal Ottubru. Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista se jippromwovi s-servizzi ta’ car sharing u car pooling waqt li se jvara proġett ambizzjuż fejn il-flotta kollha tal-karozzi tal-linja tibda taħdem bl-elettriku sal-2025.

Dwar il-paga minima, Dr Grech qal li l-Oppożizzjoni timpenja ruħha li mis-sena d-dieħla jkun hemm mekkaniżmu ta’ inċentiv fiskali fejn min iħaddem ikollu tax credits meta jinvesti fil-ħiliet u jżid il-paga tal-ħaddiema tiegħu.

Bernard Grech qal li l-proposta tal-budget li titneħħa taxxa fuq djar antiki hi tajba, pero qal li din hi marbuta mal-kundizzjoni li d-dar tkun ilha 7 snin abbandunata. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bi Gvern Nazzjonalista jinħoloq fond ta’ garanzija tal-istat li jidħol jagħmel tajjeb għas-self tal-bank li jkopri minn 10 sa 25 fil-mija tal-prezz tal-bejgħ tal-propjetà. Sostna wkoll li Gvern Nazzjonalista jara li jkun hemm eżenzjoni sħiħa tal-VAT ikkappjata sa għaxart elef ewro fuq l-ispejjeż kollha marbuta mal-finishing u furnishing ta’ djar u appartamenti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern għandu viżjoni biex ibiddel il-pajjiż f’wieħed san b’ekonomija li taħdem għan-nies. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li budget jaħseb biss għal-lum u staqsa kif se jgħin liż-żgħażagħ isibu xogħol diċenti; kif se jgħin lill-anzjani jlaħħqu mal-ħajja u kif se jgħin lill-pajjiż joħroġ mil-lista l-griża. Irrimarka kif fil-budget l-Gvern ma semma xejn fuq l-AirMalta u qal li l-budget ħeba wkoll il-€1.3 biljun dejn li sar mid-direct orders u l-kuntratti li qal huma vvizjati mal-Vitals u l-Electrogas.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li wara li l-Gvern kien iddikjara li Malta se ssir blockchain island, applikaw 19-il kumpanija għal-liċenzja li tħallew imdendlin. Sostna li għalkemm l-Gvern kien qal li Malta trid issir l-ewwel pajjiż fl-Ewropa bil-karozzi kollha jaħdmu bl-elettriku, għadhomx ma ġewx installati mal-200 charging stations li kellhom isiru. Qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li jkun hawn trasport pubbliku b’xejn imma minn Jannar u mhux pospost għal Ottubru.

Huwa qal li l-gvern huwa żleali mal-elettorat fil-wegħdiet tiegħu u semma fost oħrajn il-wegħdiet miksura għal Għawdex, u l-wegħda ta’ seba’ snin ilu għaċ-ċentru l-ġdid għall-Karnival fil-Marsa li qal għadhom lanqas poġġew l-ewwel ġebla.

Fost il-miżuri li l-Oppożizzjoni qal qed tqis bħala pożittivi fil-budget, Dr Grech semma t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-part time, il-miżuri dwar il-propjetà, mediċini b’xejn għall-IVF u ż-żidiet fl-istipendji. Qal li l-gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti bonus li jammonta għal 14-il miljun ewro li jitqassam fuq il-frontliners kollha – liema flus qal se jiġu billi tonqos bin-nofs in-nefqa tal-gvern fuq il-‘persons of trust’.

Dwar il-paga minima, Dr Grech qal li l-Oppożizzjoni timpenja ruħha li mis-sena d-dieħla jkun hemm mekkaniżmu ta’ inċentiv fiskali fejn min iħaddem ikollu tax credits meta jinvesti fil-ħiliet u jżid il-paga tal-ħaddiema tiegħu. Qal li Gvern Nazzjonalista jżid l-istipendji b’25% tal-professjonisti l-aktar meħtieġa bħalma huma l-infermiera, għalliema, ħaddiema soċjali, care workers u diversi oħrajn. Ippropona li ż-żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena jingħataw vawċer speċjali biex jagħmlu vjaġġ fl-Ewropa b’element kulturali, edukattiv jew sportiv.

Dr Grech qal li Gvern Nazzjonalista joħloq fond li jagħmel tajjeb għas-self mill-bank li jkopri minn 10 sa 25 fil-mija tal-prezz tal-bejgħ tal-propjetà; kif ukoll jara li jkun hemm eżenzjoni sħiħa tal-VAT ikkappjata sa għaxart ewro fuq l-ispejjeż kollha marbuta mal-finishing u furnishing ta’ djar u appartamenti. Dr Grech qal li għal Għawdex Gvern ġdid Nazzjonalista se jinvesti fost oħrajn f’żewġ vapuri ġodda u helipad fl-isptar ġenerali. Żied li l-Partit Nazzjonalista se jagħmel sptar ġdid għall-Għawdxin ta’ 400 sodda.

Dwar il-qasam tas-saħħa, Dr Grech saħaq li hemm bżonn ta’ bidla b’viżjoni għax l-isforzi kollha qed imorru fuq il-kuntratt tal-Vitals. Proposta oħra hija li l-anzjani jingħataw kura għand it-tabib tal-għażla tagħhom bla ħlas u jikkunsidra li l-pensjoni tiżdied kull sena b’mekkaniżmu separat li jassigura bħala bażi li l-anzjani jiżdiedu d-doppju taż-żieda tal ħaddiema.

Dr Grech qal li l-Gvern fil-budget traskura kompletament l-aspett ambjentali u semma kif jiġi fdat bit-tmexxija tal-pajjiż il-Partit Nazzjonalista jdaħħal sistema li biex il-gvern jagħti art barra l-konfini tal-iżvilupp bħal dik taż-Żonqor ikunu jeħtieġ il-voti ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Żied li mhux se jaċċetta żvilupp bl-iskuża tas-solar farms fuq art agrikola, li qal għandhom isiru fuq art użata diġà, art żdingata, u bini.

Dwar il-politika tax-xogħol, il-kap tal-Oppożizzjoni qal li l-miżura li tħabbret fil-budget li l-gvern iħallas bir-rata doppja tax-xogħol ta’ nhar ta’ Ħadd tirrikonoxxi li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun dwar il-prinċipju ta’ “equal pay for equal work”. Żied li fil-budget stenna li jingħata aktar ħjiel ta’ kif se jintużaw il-fondi Ewropej biex il-ħaddiema Maltin itejbu l-ħiliet tagħhom.

Dr Grech qal li eluf ta’ Maltin u Għawdxin għaddejjin minn diffikultà bħall-bankiera, aġenti ta’ proprjetà u nutara. Spjega kif Gvern Nazzjonalista jwaqqaf taqsima speċjalizzata li taqdi l-bżonnijiet tar-riċerka tad-due diligence għal nutara, accountants, avukati u professjonisti oħrajn li jiġu bżonnha bil-liġi jew fil-professjoni tagħhom.

Dr Grech ikkritika lill-Gvern li qal nesa lis-setturi tal-biedja, is-sajjieda u r-raħħala għax qal li mhumiex setturi tad-direct orders. Semma l-proposta tal-Partit Nazzjonalista biex il-bdiewa jsiru sidien tal-art li jaħdmu permezz ta’ fond ta’ garanzija ta’ self bla interessi u bla spejjeż, kif ukoll riforma mill-qiegħ tal-qbiela tal-gvern.

Dr Grech qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern jestendi l-bracket tal-eżenzjoni mit-taxxa tal-VAT minn 30 elf għal 60 elf ewro. Proposta oħra hija li jiżdied il-leave tal-ġenituri; filwaqt li ppropona aktar flessibilità fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema kollha. Il-Kap Nazzjonalista ħabbar li fl-ewwel budget ta’ Gvern Nazzjonalista jestendi l-massimu tal-bracket tat-taxxa tal-25% minn 60,000 ewro għal 80,000 ewro. Dwar it-turiżmu, Dr Grech ippropona li jnaqqas it-taxxa tal-VAT għal 7% għall-bejgħ kollu fir-restoranti u servizzi oħra tal-lukandi.

Żied li l-gvern beda jieħu mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-qasam tal-enerġija u qal li n-nies qed jinsterqu f’kull kont tad-dawl tant li wiegħed li Gvern Nazzjonalista jħallas lura dak li qal serqu Gvern Laburista. Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser kif id-dħul ta’ Gvern Nazzjonalista se jiżdied b’setturi ġodda li qal se jattira l-pajjiż. Semma kif Gvern Nazzjonalista jelimina l-ħela fit-tmexxija u jsaħħaħ il-kultura fiskali.