Politika
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jispjega l-proposti tal-PN għal Għawdex

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech tkellem dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex li ġew imnedija fil-ġimgħat li għaddew, fejn qal li dawn huma ftit mill-ħafna proposti li għandu f’moħħu l-Partit.

F’attività fi Pjazza Indipendenza f’Għajnsielem, Dr Grech semma, fost oħrajn, il-konnettività bejn il-gżejjer, konnettività aħjar tal-internet u l-ħolqien tal-impjiegi fil-gżira Għawdxija. Qal li l-Port tal-Imġarr fl-aħħar snin qeda l-bżonnijiet tal-Għawdxin, iżda issa qed jinħass il-bżonn illi dan jitkabbar.

Dwar il-qasam tas-saħħa, Dr Grech qal li pazjenti tal-kanċer għandhom jingħataw il-kimoterapija f’Għawdex stess, u mhux ikollhom jinżlu Malta. Semma wkoll is-settur edukattiv fejn qal li studenti Għawdxin għandhom ikollhom l-istess opportunitajiet bħal dawk Maltin, fejn anke l-pagi li jiġu offruti wara l-gradwazzjoni, ikunu ndaqs. Qal li Għawdex għandu jkun ċentru tal-edukazzjoni li jkun l-għira tal-Ewropa.

Dwar l-ambjent f’Għawdex qal li huwa importanti li jsir l-iżvilupp, iżda importanti wkoll li titħares il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Qal kif hu għandu viżjoni għal Għawdex u din irid jara li jimplimentaha. Lill-Għawdxin qalilhom illi dawn m’għandhomx jaħdmu biss f’impjiegi mal-Gvern, iżda għandhom jinħolqu iktar impjiegi anke fis-settur privat. Dr Grech qal li taħt Gvern Nazzjonalista mhux se jibqgħu jseħħu inġustizzji fis-settur pubbliku. Fakkar fil-bord tal-inġustizzji li nieda l-Partit Nazzjonalista u qal li dan irid jindirizza kull inġustizzja li seħħet.

Qal li għall-Partit Nazzjonalista l-Kunsilli Lokali dejjem kienu importanti, minħabba li jemmnu fin-nies. Qal li l-Partit Nazzjonalista ma jibżax jagħti l-poter lill-kunsilli, għax dawn jafu x’verament għandu bżonn il-lokal.