COVID-19
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlob għal inkjesta indipendenti dwar l-għoti tal-vaċċin

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li b’responsabbiltà qed jitlob li ssir inkjesta indipendenti biex insiru nafu min ħa l-vaċċin kellux dritt għalih.

F’konferenza tal-aħbarijiet li nżammet wara li tħabbru l-miżuri l-ġodda, Dr Grech qal li jrid li ssir l-inkjesta, biex mil-lum, jekk l-affarijiet mhux isiru sew jibdew isiru sew. Qal li bħalissa qed isiru telefonati lin-nies biex imorru jieħdu l-vaċċin. Qal li dan juri li ntilef il-kontroll. Qal li l-inkjesta trid toħroġ il-fatti u tagħti riżultat malajr.

Fid-diskors tiegħu, Dr Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ma jridx lockdown iżda jrid li l-Gvern jagħmel l-affarijiet sew u mhux jidħaq bin-nies.

Kompla jgħid li s-sistema fl-immaniġġjar tal-pandemija kkollassat u li l-pandemija mhix taħt kontroll. Dr Grech qal li dan il-kollass wassal biex il-poplu jinsab inkwetat. Kompla jgħid li l-professjonisti tas-saħħa qed jgħidu li għandna sitwazzjoni ta’ allarm. Huwa saħaq li ma jistax iħalli lill-Gvern jibqa’ jidħaq u jigdeb lin-nies. Sostna li waqt li l-professjonisti u l-ħaddiema tas-saħħa qed jagħmlu ħilithom kollha, il-politiċi għandhom iġorru r-responsabbiltà politika.

Fid-diskors tiegħu, Dr Grech qal li l-Prim Ministru jinsab konfuż u dahru mal-ħajt. Qal li minflok jerfa’ r-responsabbiltà politika, il-Prim Ministru talab lilu x’kien jagħmel differenti. Tenna li din hija prova ċara li l-Prim Ministru ma jafx x’se jaqbad jagħmel aktar. Waqt li elenka x’kien jagħmel differenti Dr Grech qal li meta n-numri tal-każijiet kienu baxxi kien jagħmel screening aħjar fl-ajruport b’mod partikolari meta tfaċċat it-theddida tal-varjant. Żied jgħid li kien jara li s-sistema tal-contract tracing ma tikkollassax u li kien jagħti kas il-pariri tal-esperti u tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Tkellem dwar is-sistema tat-tilqim u qal li din mhix trasparenti. Qal li ma jafx jekk hux veru jew le li s-sistema mhix trasparenti, iżda qal li jekk in-nies qed jaħsbu hekk, in-nies ma jaħsbux fuq ix-xejn. Huwa kkundanna dak li sejjaħ bħala attakk mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Dwar dan tkellmet ukoll ftit qabel Claudette Buttigieg. Hija qalet li ġiet avviċinata biex tieħu t-tilqima għax it-tifla tagħha hi vulnerabbli. Qalet li hi ma aċċettatx li tieħu l-vaċċin. Qalet li l-mentalità hija li kollox u kulħadd jinxtara. Żiedet tgħid li l-vaċċin qed jintuża għodda biex isiru pjaċiri lin-nies. Il-problema reali, Buttigieg qalet li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Chris Fearne biddel il-verżjoni u qalet li dan ifisser li qed jigdeb.

Indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet ukoll il-Kelliem għas-Saħħa tal-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri. Dr Spiteri qal li bil-każijiet preżenti mhux mewġ hawn iżda tsunami u qal li qed nirriskjaw kollass fis-saħħa. Dr Spiteri qal li rridu nagħtu kas il-bozza ħamra li qed tixgħel u naraw kif pajjiżi oħra ttekkiljaw is-sitwazzzjoni tal-COVID-19.

Sostna li wasal iż-żmien li nsejħu għal aktar responsabbiltà mill-Gvern u li dan għandu jsegwi lill-awtoritajiet tas-saħħa. Qal li l-COVID-19 f’Malta qed tħalli effett fuq is-servizz tas-saħħa fost l-oħrajn pazjenti li ilhom jistennew biex jinqdew mill-isptar. Dr Spiteri qal li kieku saru l-miżuri f’ħinhom forsi konna nevitaw mill-każijiet tal-varjant.

Qal li matul il-pandemija l-edukazzjoni kienet nieqsa u tenna fuq il-ħtieġa tal-edukazzjoni u li tingħad il-verità tal-konsegwenzi li nistgħu ngħaddu minnhom jekk ma nkunux responsabbli.

Temm jgħid li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tħares, tosserva u tipproponi b’responsabbiltà kemm permezz ta’ skrutinju fuq il-Gvern, kemm fil-kritika kostruttiva kif ukoll b’proposti fuq bażi xjentifika.